Serb ta’ 26 sena li jaħdem bħala “barman” u residenti San Pawl il-Baħar weħel sitt ġimgħat ħabs wara li ammetta li seraq flixkun whiskey minn supermarket, u li laqa’ għandu għodda misruqa li tiswa’ €800.
Il-każ seħħ nhar it-Tnejn 11 ta’ Awwissu għall-ħabta tad-9:15a.m. meta Milan Glusec, inqabad jisraq flixkun whiskey Jack Daniel’s li jiswa’ madwar €20 mix-“Shop Inn Supermarket” li jinsab fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar.
L-Ispettur Godwin Scerri qal li wara li s-Serb ġie arrestat, saret tfittxija fir-residenza tiegħu fejn instabu mill-Pulizija għadd ta’ għodda li kienu nsterqu minn għarix f’Bormla x-xahar li għadda.
Madankollu l-Pulizija qalet li hija kienet fehemet li x’aktarx is-Serb ma kienx involut fis-serqa, u x’aktarx li mingħajr ma kien jaf huwa kien xtrahom meta dawn kienu misruqin.
Il-Maġistrat Marseann Farrugia ikkundannat lil Glusec għal sitt ġimgħat ħabs bil-Qorti tordna wkoll li r-raġel jiġi deportat hekk kif iservi l-kastig.
//= $special ?>
