Lokali

Diskussa l-importanza tal-inklussivita’ fil-KNŻ

L-importanza tal-inklussivita’ taż-żgħażagħ u l-bżonn li jiġu ntegrati fis-soċjeta’ kienu l-messaġġi komuni tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ.

Fil-ftuħ tal-konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-KNŻ Isabelle Camilleri tkellmet dwar l-importanza li żgħażagħ li qed ibatu minn xi problema ta’ saħħa mentali jiġu ntegrati fis-soċjeta’. Hi fakkret kif kull min japplika għal attivitajiet tal-KNŻ jista’ jieħu sehem u ma jsirx proċess ta’ għażla appuntu biex tiġi garantita l-inklussivita’.

David Agius qal li politiċi għandom jaraw kif se jagħtu importanza u rwol fis-soċjeta’ liż-żgħażagħ, speċjalment billi dawn jiġu nvoluti fil-kunsilli lokali. Qal li l-Partit Nazzjonalista diġa’ qabel li jingħata vot ta’ sittax-il sena imma dawn iż-żgħażagħ iridu jiġu mħarrġa wkoll u jingħataw tagħlim dwar id-dmirijiet u l-obbligi tagħhom.
Chris Agius tenna dan ukoll u qabel li l-edukazzjoni hi ċavetta li ssaħħaħ liż-żgħażagħ.

Tkellem ukoll dwar l-inklussivita’ biex persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa, inkluż dik mentali, ikunu jistgħu jiġu ntegrati fis-soċjeta’. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll uffiċjali tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista fosthom il-President Matthew Agius.

Iktar tard, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, fil-bajja tal-Mellieħa saret in-National Youth Day Event – serata ta’ attivitajiet sportivi mtella’ mill-Kumitat Olimpiku Malti u l-Aġenzija Żgħażagħ.