Bħalissa qed teqliel il-kampanja referendarja fl-Iskozja għall-vot li se jitfgħu l-Iskoċċiżi f’referendum apposta li se jsir fit-18 ta’ Settembru, mistoqsijin jekk l-Iskozja għandhiex issir pajjiżi indipendenti jew tibqa’ parti mir-Renju Unit.
Vot mas-sittax fir-referendum dwar l-Indipendenza fl-Iskozja
Fl-Iskozja, il-vot f’dan ir-referendum niżżluh għal sittax biex jagħtu leħen lil kemm jista’ jkun żgħażagħ fuq kwistjoni li taffettwalhom il-futur tagħhom. Ħaġa tajba li tkompli mal-idea li d-dritt tal-vot għandu pass pass jinżel għal sittax anke għax ta’ sittax dovut tħallas it-taxxa u l-bolla jekk tkun taħdem.
F’Malta qbil wiesa’ dwar il-vot mas-sittax fil-Kunsilli
F’Malta, fuq inizjattiva tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista ftit snin ilu, imxejna biċċa wkoll billi kulħadd qabel li l-vot fil-Kunsilli Lokali jinżel għal sittax. Saru konferenzi u saħansitra l-Kunsilli ħatru ambaxxaturi taż-żgħażagħ – ġuvintur u tfajliet ta’ sittax jew sbatax – li jwasslu l-messaġġ sabiħ ta’ fiduċja fiż-żgħażagħ.
Imma se jibqa’ fuq il-karta għal ħames snin
Imma dan id-dritt ġdid ta’ vot mas-sittax se jibqa’ fuq il-karta b’dak li qal il-Prim Ministru Muscat li se jneħħi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli fil-ħames snin li ġejjin. Sinjal bil-maqlub tal-vot mas-sittax – sinjal li l-Gvern m’għandux fiduċja fiż-żgħażagħ.
Nuqqas ta’ fiduċja fil-Kunsilli Lokali
U lanqas fiduċja fil-Kunsilli Lokali. Il-mod kif jitkellmu u jaġixxu l-Prim Ministru u kelliema oħra tal-Gvern dwar il-Kunsilli juri ċar li l-Kunsilli qegħdin fuq żaqqhom.
Tnaqqis ta’ fondi lill-Kunsilli
Bħalissa qed iseħħ tnaqqis reali fil-fondi għall-Kunsilli u b’dan it-tnaqqis ibatu l-proġetti tal-Kunsilli fil-lokalitajiet. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ikkontrollata mill-Partit Laburista, mhix qed titkellem dwar dan, imma t-tnaqqis hemm qiegħed.
Ċentralizzazzjoni tipika Laburista
Dan kollu ġej mill-idea antika Laburista taċ-ċentralizzazzjoni – it-twemmin tal-Labour li għandu jiddeċiedi kollox il-Gvern ċentrali f’Kastilja u mhux min hu l-eqreb lejn l-effetti tad-deċiżjonijiet.
Il-Kunsilli għal deċiżjonijiet qrib in-nies
Dan kien il-ħsieb tal-Kunsilli Lokali li twaqqfu għoxrin sena ilu – li d-deċiżjonijiet joħodhom min l-aktar se jgawdi jew ibati minnhom u mhux xi ħadd ‘il bogħod li jinteressah biss kemm ikollu poter biex ħaddieħor jinkina quddiemu.
Il-Labour bla fiduċja fin-nies
Imma dan il-ħsieb, li suppost il-Labour kien sar jaqbel miegħu, qed itir mar-riħ fl-idea dejjiema Laburista li mhux inti għandek tiddeċiedi, imma xi Ministru li ssir tallab quddiemu. L-istess idea ta’ nuqqas ta’ fiduċja fin-nies, li eżempju ieħor tagħha hu l-vot mas-sittax sospiż għal ħames snin.
//= $special ?>