Sport

Erba’ Maltin fl-Olimpjadi taż-Żgħażagħ fiċ-Ċina

Erba’ atleti Maltin, se jirrappreżentaw lil Malta fit-tieni Edizzjoni tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ li se jsiru f’Nanjing fiċ-Ċina bejn is-16 u t-28 ta’ Awwissu.

L-atleti huma: ż-żewġ għawwiema, Julian Harding u Raoul Stafrace, it-tnejn ta’ 18-il sena u jagħmlu parti mill-iskwadra nazzjonali tal-għawm tal ASA; il-judoka Francesco Aufieri li għadu ġej minn training camp fl-Iżvizzera u l-weightlifter Nicole Gatt.

L-erba’ atleti fix-xhur li għaddew wettqu programm ta’ preparazzjoni ffinanzjat mill-Kumitat Olimpiku Malti b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet nazzjonali rispettivi.

Il-ftuħ uffiċjali tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ f’Nanjing se jsir nhar is-Sibt li ġej u l-għada jidħol fl-azzjoni l-għawwiem Julian Harding li se jieħu sehem fil-100 metru breaststroke.

It-Tnejn 18 ta’ Awwissu jkun imiss fl-azzjoni lill-judoka Francesco Aufieri u l-weightlifter Nicole Gatt waqt li t-Tlieta 19 ta’ Awwissu jtellaq l-għawwiem Raoul Stafrace.

Il-kontinġent Malti huwa mmexxi mid-Direttur tal-Isport tal Kumitat Olimpiku Malti Mario Micallef li huwa wkoll Chef de Mission tal-kontinġent.