L-attur u komiku Amerikan Robin Williams instab mejjet f’daru, fl-età ta’ 63 sena. Mal-konferma li Williams miet, il-mara tiegħu Susan Schneider kitbet fuq Twitter li tinsab “qalbha maqsuma”. F’isem il-familja, hi talbet għall-privatezza, filwaqt li appellat biex kulħadd jibqa’ jiftakar fil-mumenti sbieħ li rajnieh jaħdem fihom, minflok fil-fatt li issa ħalla din id-dinja.
Robin Williams jibqa’ magħruf għal diversi films li ħa sehem fihom, l-aktar fosthom “Good Morning Vietnam”, “Dead Poets Society” u “Good Will Hunting”, li bih rebaħ ukoll Oscar. Fil-passat hu kien jitkellem, u anke jiċċajta, diversi drabi dwar il-problemi li kellu bl-alkoħol u d-droga. Anke l-kelliema tiegħu kkonfermat li fl-aħħar xhur kien qed jiġġieled kontra “dipressjoni severa”.
Fil-fatt, hu nstab mejjet, aktar kawża ta’ suwiċidju, minn membri tal-familja, li ċemplu lis-servizzi tal-emerġenza għax raw li ma kienx qed jieħu nifs. Rapporti qed jgħidu li s-servizzi tal-emerġenza waslu wara biss ħames minuti, iżda kien immedjatament iċċertifikat mejjet fil-post. Fi stqarrija, l-Uffiċċju tax-Sheriff qal li għadhom għaddejjin aktar investigazzjonijiet dwar il-kawża tal-mewt biex tkun determinata l-kawża propja tal-mewt.
L-attur, magħruf ukoll għall-parti ewlenija fil-film “Mrs Doubtfire”, twieled f’Chigago fl-1951 u sa minn ċkunitu applika u kien aċċettat fl-Iskola Juilliard ta’ New York, li hi skola magħrufa sew fl-akkademja tal-arti. Hemm, hu kellu l-appoġġ ta’ għalliem partikolari biex ikompli jiżviluppa l-ħiliet tiegħu fil-komiċità. L-ewwel dehra li għamlitu popolari kienet fis-snin sebgħin bħala aljen fix-show televiżiv “Mork and Mindy”.
Minn hemm hu kompla jaħdem bħala stand-up comedian waqt li beda jieħu sehem f’partijiet ewlenin ta’ diversi films u anke vuċi f’numru ta’ films-cartoons, fosthom “Aladdin”. Għalkemm il-maġġoranza tal-karattri li nterpreta kienu komiċi, Williams rebaħ l-Oscar fl-1998 ta’ Best Supporting Actor bħala terapista.
Reazzjonijiet minn madwar id-dinja …
Numru ta’ personalitajiet internazzjonali sellmu lil dan l-attur kbir fl-istorja taċ-ċinema.
Fost oħrajn, il-President Amerikan Barack Obama qal li Williams “wasal f’ħajjitna bħala aljen, iżda spiċċa billi mess kull element ta’ ħajjitna. Għenna nidħku, bekkiena, esprima t-talenti tiegħu b’mod mill-aktar ġeneruż li min kellu bżonn, fosthom anke lil dawk l-aktar emarġinati fit-toroq tagħna”.
Williams ingħata tislima wkoll mid-direttur ċinematografiku Steven Spielberg, li ddeskrivieh bħala ġenju tal-komiċità. Jingħad li waqt li fl-1994 kien qed jiġbed il-film dwar l-Olokawst “Schindler’s List”, Spielberg kien iċempel lil Robin Williams regolarment biex dan iferrħu bejn xena ta’ ħruxija u oħra.
Il-komiku Steve Martin, li fl-1988 ħadem ma’ Williams fuq il-palk fil-play ta’ Broadway “Waiting for Godot”, kiteb fuq Twitter li “ma jistax ma jibqax iċċassat bit-telfa ta’ Robin Williams, raġel ta’ veru, b’talent qawwi u ġenwin”.
Fost persuni oħrajn, il-komiku u preżentatur tat-talk shows Ellen de Generes kitbet fuq Twitter li “ma nistax nemmen bl-aħbar dwar Robin Williams. Ninsab b’qalbi maqsuma għax tant għen lil daqstant nies”.
Sadanittant, kif l-aħbar tal-mewt ta’ Williams ħarġet fil-media, eluf ta’ persuni żaru l-Walk of Fame ta’ Hollywood biex isellmulu u jqegħdulu xi fjuri jew xi rigal żgħir ieħor.
//= $special ?>

