Ftit jiem biss qabel il-Festa Titulari tal-Assunta, li fl-Imġarr se tiġi ċċelebrata l-Ħadd, 24 ta’ Awwissu, il-Parroċċa tal-Imġarr tinsab mingħajr Ragħaj Spiritwali, hekk kif skont rapporti l-Ġimgħa li għadda Dun Emanuel Camilleri (ritratt) tneħħa b’effett immedjat minn Kappillan. Kien proprju fit-8 ta’ Awwissu, meta l-Parroċċa tiċċelebra l-Ħruġ tal-Vara ta’ Santa Marija min-Niċċa u fil-bidu tal-Kwindiċina, li Dun Camilleri kien infurmat verbalment mill-Isqof Awżiljarju u Vigarju tal-Arċidjocesi Mons Charles Scicluna b’din id-deċiżjoni. Dan wara li f’żewġ okkażjonijiet separati, ġie msejjaħ għal laqgħat fil-Kurja mal-Arċisqof u ma’ Mons Scicluna.
Dun Emanuel, li fil-passat serva bħala Kappillan fl-Imrieħel u fl-Imsida, f’Marzu li għadda kien nominat biex ikun il-Kappillan il-ġdid tal-Imġarr mill-Arċisqof Pawlu Cremona wara li Dun Antoine Borg irriżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Il-bidu tal-ħidma Pastorali, b’dak magħruf bħala l-għoti tal-Pussess, kellu jkun f’Mejju iżda wara inċidenti li Parruċċani ddeskrivewhom bħala “serji” u li nqalgħu fil-Ġimgħa Maddsa, ġie pospost b’mod indefinit.
F’kummenti lil The Malta Independent, Dun Camilleri stess spjega li eventwalment kien deċiż bil-barka tal-Arċisqof li jingħata l-Pussess fis-16 ta’ Awwissu. Madankollu, skont ir-rapport ta’ The Malta Independent, il-Kurja qagħdet fuq ittra li rċeviet b’numru ta’ lmenti mill-Parruċċani u li fiha ntalab li Dun Camilleri jitneħħa mill-kariga. The Malta Independent tirrapporta li l-Ħamis li għadda Dun Camilleri kellu laqgħa mal-Arċisqof fil-bini tal-Kurja, fejn iddiskutew is-sitwazzjoni u dan urieh ittra li rċieva dwaru. L-eks Kappillan qal li wara dik il-laqgħa ħass li l-Arċisqof kien fehemu u li seta’ jkompli għaddej b’ħidmietu fil-Parroċċa tal-Imġarr.
Madankollu, l-għada, Dun Emanuel Camilleri reġa’ ssejjaħ il-Kurja għal laqgħa oħra, din id-darba mal-Isqof Awżiljarju Mons Charles Scicluna. Dan qallu li “jien se ngħidlek dak li l-Arċisqof ma kellux kuraġġ jgħidlek. L-Arċisqof ma jridekx aktar l-Imġarr u għaldaqstant għandek tippakkja immedjatament”. Fil-kummenti tiegħu, Dun Camilleri spjega li għalxejn ipprova jagħmel l-argumenti tiegħu għax id-deċiżjoni kienet diġà ttieħdet. Hu kkummenta li l-Arċisqof u l-Isqof Awżiljarju ċedew għal pressjoni u gideb minn grupp ta’ nies li riedu jtajjruh mill-Parroċċa u skont Dun Camilleri, dan juri l-krizżi ta’ tmexxija li għandha l-Knisja f’Malta.
Sorsi qalu li għalissa Dun Valent Borg inħatar b’mod temporanju bħala Amministratur tal-Parroċċa, wara li bejn l-1998 u l-2003 diġà kien Kappillan tal-Imġarr. Fil-kummenti lil The Malta Independent, Dun Emanuel Camilleri esprima diżappunt għal dak li ġara f’April, meta hu kien għadu lanqas intbagħat l-Imġarr. Il-Kurja kienet ħarġet Digriet li jgħid li fil-Via Sagra devozzjonali setgħet tinħareġ biss l-istatwa tar-Redentur. Bħala Kappillan, Dun Camilleri kellu jattwa dan id-Digriet, anke jekk ħafna fl-Imġarr ma qablux miegħu u sfidawh billi ħarġu l-purċissjoni b’erba’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Dun Emanuel qal li dan għamluh anke bl-għajnuna ta’ Saċerdot, li għen biex tiġi organizzata l-purċissjoni.
Fl-eqqel tal-Ġimgħa Mqaddsa, Mons Charles Scicluna kien żar l-Imġarr u ppresieda l-Funzjoni tal-Ħasil tar-Riġlejn f’Ħamis ix-Xirka. Dakinhar, fl-Omelija tiegħu Mons Scicluna kien iddikjara li l-Mulej ibierek mis-sema d-devozzjonijiet popolari tal-Imġarrin. Fil-kummenti tiegħu, Dun Emanuel Camilleri stqarr li dan il-kliem qatt ma stennie minn fomm l-Isqof Awżiljarju, li suppost kien intbagħat fl-Imġarr biex jaqbeż għalih u mhux biex jagħti l-barka tiegħu lil xi ħaġa li saret bi sfida għad-deċiżjoni tal-Kurja.