Iż-żgħażagħ huma s-sinsla ta’ kull soċjetà għax huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li kellu, għad għandu u se jibqa’ jkollu kull fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Hekk kif illum id-dinja qed tiċċelebra l-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, il-PN qal li hu xieraq li llum isellem b’mod speċjali lil dawk l-eluf ta’ żgħażagħ Maltin li jiddedikaw sigħat twal fil-volontarjat.
Il-PN ħeġġeġ lil dawk iż-żgħażagħ li s’issa forsi qatt ma għamlu xi tip ta’ volontarjat biex jinvolvu ruħhom f’diversi għaqdiet fil-lokalitajiet u fis-soċjetà Maltija. Dak li tirċievu hu ferm akbar minn dak li tagħtu, qal il-PN. F’din l-okkażjoni, il-PN sellem ukoll u għadda messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk iż-żgħażagħ lil hinn minn xtutna li għaddejjin minn tbatija, min minħabba xi tip ta’ persekuzzjoni u min minħabba l-faqar.
Il-PN innota wkoll b’sodisfazzjon li l-fiduċja li ngħataw iż-żgħażagħ matul is-snin dejjem issarrfet f’ġid għas-soċjetà u għaż-żgħażagħ infushom, kemm fil-livell ta’ studju kif ukoll dawk li qegħdin fid-dinja tax-xogħol. Il-PN jemmen li ż-żgħażagħ għandhom dejjem ikunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed f’dan il-pajjiż, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>