Sport

Il-proġett ‘Judo għal Paċi’ jintemm b’suċċess

Il-proġett Judo għall-Paċi intemm f’pajjiżna fl-aħħar jiem fejn il-mexxejjakellhom laqgħa mal-maniġers tal-uffiċċju f’Malta tal-EUPA, Marvic Debono, Robert Debono u Cynthia Miskova li ddiskutew il-possibbiltajiet li joħolqu proġetti umbrella f’pajjiżi oħra Ewropej.

Matul dan il-proġett, il-parteċipanti kienu esposti għal diversi realtajiet. Ippreparaw u taw lezzjoni lill-atleti tal-Ispecial Olympics. Wieħed mill-parteċipanti, li huwa nnifsu wkoll atleta tal-Ispecial Olimpics, għamel diskors ferm motivanti u ħeġġeġ lil dawn l-atleti jżommu t-taħriġ tagħhom, u saħansitra jippruvaw jissieħbu fit-taħriġ tal-isport mainstream.

Għalkemm il-parteċipanti diġà jagħtu ħafna mill-ħin tagħhom għall-volontarjat fl-isport tal-judo, il-grupp tal-Judo għal Paċi pprova wkoll jagħti daqqa t’id f’setturi oħra. Parti mill-grupp għen lill-organizzaturi tal-Festi Esterni ta’ Ħal Lija u parti oħra tbaqgħu fir-Residenza fejn taw sessjoni tal-Judo biex jiġbru fondi għall-Organisation for Friendship in Diversity. Il-massa tal-grupp assistew lill-kunsill lokali tal-Mosta b’attività ta’ tindif.

Il-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità jżuru l-Imdina, Ta’ Qali u l-irdum ta’ Ħad-Dingli, fejn setgħu japprezzaw millenji ta’ storja ta’ Malta.

Envic Galea, Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-Judo, iddiskuta l-Kodiċi Morali tal-Judo. Huwa qal li Judo joħloq ħbiberiji għal dejjem, u l-ħbieb li tagħmel mill-Judo ikunu dejjem lesti jgħinuk. Il-Judo huwa wkoll il-bażi għar-rispett< jgħallmek l-awto-kontroll u wkoll jagħtik il-kuraġġ meħtieġ biex tqum kontra xi ħaġa li inti taħseb hija żbaljata.

Żar ukoll il-proġett is-Segretarju Parlamentari għal-Isport Chris Agius li kien ippreżentat bi plakka ta' l-Unjoni Ewropea tal-Judo, mibgħuta personalment minn Sergey Soloveychik, President tal-Unjoni Ewropea tal-Judo b’tislijiet personali tiegħu bħala ringrazzjament għall-appoġġ lejn dan l-ewwel proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewoprea.