Lokali

Imniedi proġett ieħor fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca inawgurat proġett ieħor għal aktar integrazzjoni fis-soċjetà Maltija. Il-proġett “Artistic Embellishment on Wheels”, organizzat miċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra hu proġett li, fi kliem il-President Coleiro Preca, għandu jservi bħala mudell li fuqu għandha timxi s-soċjetà Maltija ħalli tassew tkun qed tħaddan l-integrazzjoni. Il-proġett kien iffinanzjat mill-Premju tal-President għall-Kreattività u qanqal sens ta’ responsabbiltà fost il-komunità ta’ San Pawl il-Baħar. Dan hekk kif din il-komunità ħadet ħsieb aħjar tal-ambjent, fosthom billi rriċiklat tyres li issa qed jintużaw bħala kontenituri tal-pjanti.

Għall-President ta’ Malta, is-sehem tal-komunità kollha, minn anzjani sa tfal, hu importanti ħafna għax b’hekk ikun mgħejjun il-proċess ta’ integrazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u bejn il-kulturi. Hi saħqet li hu importanti li dan jibqa’ jseħħ b’mod reċiproku, fosthom billi l-barranin li jkunu jixtiequ jiġu integrati fis-socjeta’ tagħna jitgħallmu l-lingwa Maltija u jifhmu l-kultura u d-drawwiet tal-poplu tagħna. Fl-attività, it-tfal urew lill-persuni preżenti dak li tgħallmu fil-ġimgħat li għaddew, grazzi għal proġett ieħor taċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra, bl-isem ta’ Kids Scene. Anke f’dan il-każ, it-tfal setgħu jitgħallmu aktar dwar l-integrazzjoni ta’ kulturi differenti fil-komunità.

Għal din l-attività attendew ukoll il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-istess qasam Clyde Puli, Kunsillieri Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u Uffiċjali taċ-Ċentru Aċċess, fost l-oħrajn. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli qal li istituzzjonijiet oħrajn għandhom jieħdu l-eżempju taċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra u jaraw kif komunitajiet differenti jistgħu verament jiltaqgħu, jintisġu u jaħdmu flimkien. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia qal li l-opportunitajiet li qed joffri ċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra qed jinbidlu f’suċċessi. Hu appella għal aktar determinazzjoni bejn kulħadd ħalli jkomplu jinkisbu r-riżultati meħtieġa.