Il-Missjunarju Spanjol li spiċċa nfettat bil-virus tal-Ebola meta kien qed jaħdem fil-lvant tal-Afrika miet fi sptar f’Madrid. Fil-jiem li għaddew, Miguel Pajares (ritratt) ta’ 75 sena kien ittieħed lejn Spanja mil-Liberja wara li kien irriżulta pożittiv għat-testijiet tal-Ebola.
Sadanittant, fl-aħħar żviluppi dwar dan il-virus, il-Liberja se tirċievi kura sperimentali fit-tentattiv li titrażżan il-firxa tal-virus f’dan il-pajjiż. Id-droga Zmapp waslet wara li l-President tal-Liberja Ellen Johnson Sirleaf għamlet talba formali lill-Istati Uniti. Kelliem għall-Gvern Amerikan ippreċiża li kull ma għamel il-Gvern kien li jqabbad l-Uffiċjali Liberjani mal-kumpanija Mapp Biopharmaceutical, li qed tiżviluppa iz-Zmapp.
Fi stqarrija separata, il-kumpannija qalet li għaddiet il-kunsinna kollha li kellha lil-Liberja mingħajr ħlas. Iz-Zmapp intużat fuq żewġ ħaddiema Amerikani u Qassis Spanjol, li kienu esposti għall-Ebola u t-tlieta wrew sinjali ta’ titjib. Madanakollu, id-droga għadha ma għaddietx mit-testijiet biex ikun stabbilit jekk hix ta’ periklu għall-bniedem. Sar magħruf ukoll li anke l-Gvern Ċiniż se jkun qed iforni materjal u mediċini lill-pajjiżi milquta mill-Ebola.
//= $special ?>

