Raġel ta’ 25 sena u martu ta’ 60 sena nżammu taħt arrest preventiv, anke jekk wieġbu li mhumiex ħatja li mexxew burdell, li għexu mill-qliegħ tal-prostituzzjoni u li tlajjaw għal skop ta’ prostituzzjoni. Il-Maġistrat Marsanne Farrugia semgħet kif Theresa Cutajar ta’ 60 sena u żewġha Elmleti Mohamed Saad ta’ 25 sena, residenti fi Triq Testaferrata f’Ta’ Xbiex, bidlu d-dar tagħhom f’burdell.
Fil-Qorti, l-Ispettur Jason Francis Sultana qal li l-Pulizija rċeviet rapport mingħand sid il-propjetà li l-persuni li qed jikru l-post tiegħu spiċċaw biex jużawh bħala burdell. L-Ispettur Sultana qal ukoll li dan il-fatt kien ikkonfermat ukoll minn ċerta Spiridiona Caruana, ta’ 47 sena, li l-ġimgħa li għaddiet ammettiet fil-Qorti li kienet qed tmexxi burdell u anke tħaddem in-nisa għal skop ta’ prostituzzjoni fil-Gżira. Caruana ammettiet li kienet taħdem għall-akkużat u qalet ukoll li fejn kien qed joqgħod Saad kien qed jintuża’ għal skop ta’ prostituzzjoni. Barra minhekk, sostna l-Ispettur Sultana, żewġ prostituti kkonfermaw li kienu jaħdmu hemm.
L-Ispettur qal ukoll li wara li l-Pulizija rċeviet ir-rapporti, saret tfittxija intensiva fid-dar tal-akkużati, fejn instabet borża kbira li fiha kien hemm għadd ta’ oġġetti li jintużaw għas-sess u ħwejjeġ tan-nisa.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Jason Azzopardi, li deher għall-akkużati, ma qabilx mal-fatt dwar kif spiċċat arrestata Theresa Cutajar, li waqt il-proċeduri fil-Qorti bdiet tibki. Id-Difiża ma qablitx lanqas mal-fatt li Saad inżamm arrestat għax sostniet li ma hemm l-ebda biża’ li dan jaħrab minn Malta. L-Avukat Azzopardi tenna ukoll li l-arrest mhux wieħed ġustifikabbli. Qal ukoll li s-suspetti tal-Pulizija mhux ġustifikati u li huwa għamel ukoll talba wara ċ-ċaħda tal-Qorti għal-libertà proviżorja. Tenna li raġel magħruf sew mal-Pulizija u li hu nvolut fit-tmexxija ta’ ħafna briedel hedded lill-akkużati u dan anke għandu taħdem miegħu prostituta li mistennija tixhed kontrihom.
Id-Difiża qalet ukoll li Theresa Cutajar għandha problemi ta’ saħħa u li bħalissa qed tieħu ħsieb tifel ta’ 12-il sena, li hi adottat wara li sabitu abbandunat fi Triq Testaferrata meta dan kellu biss xahar.
Il-Prosekuzzjoni ma qablitx u qalet li minħabba li għad baqa’ numru ta’ xhieda pajżana fil-każ, mhux ġustifikabbli li l-akkużati jingħataw il-libertà proviżorja minħabba li x-xhieda jistgħu jkunu nfluwenzati. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li dan il-każ hu wieħed serju u mhux biss l-arrest hu ġustifikat, iżda wkoll il-fatt li jibqgħu arrestati. Il-każ ikompli.
//= $special ?>

