Qorti

Milqugħa talba għal separazzjoni ta’ koppja li marret Tuneż biex tirranġa iżda ta’ xejn

L-Imħallef Joseph Azzopardi laqa’ t-talba ta’ koppja li riedu jisseparaw minn xulxin wara li rriżulta li ż-żwieġ tkisser prinċipalment minħabba l-aspettattivi diversi li kellhom il-partijiet miż-żwieġ u minħabba inkompatibbiltà tal-karattru. Wara li sema’ kemm lill-mara kif ukoll lir-raġel, l-Imħallef Azzopardi kkonkluda li l-koppja kienet tiġġieled b’mod aħrax u din hi prova ċara li ma kienux kompatibbli biex jgħixu flimkien.

Kemm il-mara kif ukoll ir-raġel esprimew id-difetti tat-tnejn u li skont huma t-tnejn kienu mdejjqin b’xulxin, tant li r-raġel qatt ma jikkuntenta b’xejn u l-mara moħħha biex dejjem tiġri barra. Ir-raġel qal ukoll li kien wasal f’punt li jikkommetti suwiċidju. Mill-provi rriżulta li l-koppja sa anke marret vaganza f’Tuneż biex tipprova ssalva ż-żwieġ, iżda fl-ewwel argument li kellha meta rritornat Malta, hi akkużatu li sfurzaha titla’ fuq ġemel meta kien jaf li tbati minn daharha, mentri hu sostna li telgħet minn jeddha u kienet minn tal-ewwel li ppreżentat lilha nnifisha biex titimgħu.

Mix-xhieda ħareġ ukoll li dawn kienu jiġġieldu fuq kollox u kullimkien. Il-koppja kienet ippreżentat żewġ kawżi separati kontra xulxin fil-Qorti tal-Familja, bit-tnejn jinstemgħu quddiem l-Imħallef Joseph Azzopardi. Fl-affidavit li ppreżentat, il-mara qalet li meta żżewġu, lanqas biss marru għall-qamar il-għasel għax ma kellhomx flus u kienu għadhom qed jibnu d-dar. Qalet li għamlu perjodu jgħixu mal-ġenituri tagħha u f’dan il-perjodu żewġha qala kwistjoni għax il-lożor tagħhom kienu bil-fjuri u mhux bojod kif riedhom hu.

Il-mara semmiet li żewġha ma kien jikkuntenta ruħu b’xejn u kien ikollhom argumenti fuq ix-xejn. Meta kienet tgħidlu biex imorru jaraw marriage counselor, kien jgħidilha biex tmur waħedha għax hi kellha bżonn tirranġa mhux hu. Qalet li minkejja li kien qabel magħha meta qaltlu li riedet tistudja lingwa f’livell ta’ Diploma, l-ewwel darba li marret lura mil-lezzjoni, tard filgħaxija, argumenta magħha għax qal li damet u heddidha biex ma tmurx aktar. Iddeskriviet ir-relazzjoni bħala waħda fraġli fejn, sakemm kienet toqgħod kwieta u taqbel ma kulma jgħid hu, kien jibqa’ kwiet anke jekk it-tensjoni kienet waħda kontinwa.

Il-mara kompliet tgħid li kif ma taqbilx fuq xi ħaġa kien iqum l-infern kollu, fosthom b’tgħajjir u għajjat li ma kinitx tiflaħ għalih aktar u li beda jżid ukoll it-tensjoni fiha u fit-tfal. “Hu kien ilu jgħid li lili jobgħodni u x-xenati bdew dejjem jeskalaw”. Semmiet kif hu kien jgħid lil ommha li dejjem barra u ma tagħmel xejn, kif ukoll li darba ċempel lil ommha u qalilha li xebbgħetu u li missha tfittex Avukat għax ried jissepara. Il-mara semmiet kif meta kellha problema f’daharha, kienu jgħinuha ommha u ħu r-raġel, bir-relazzjoni qisha tjiebet. Madankollu, wara li ma baqgħetx tiddependi fuq ħaddieħor, reġa’ lura għall-aġir li kellu.

Il-mara sostniet li meta wriet ix-xewqa li tattendi l-gym li kien imur hu, qalilha li ma ridhiex tmur hemm u rreferiet għas-safra f’Tuneż, fejn għalkemm ħadet pjaċir xorta deher li r-relazzjoni ma kinitx tajba. Qalet li ta’ spiss żewġha kien jgħidilhom ma jħobbuhx “għax jiena ma nħobb lil ħadd … għad jasal żmien meta tfittxuni u ma ssibunix”, filwaqt li lit-tfal kien jgħidilhom li “jien minħabba fikom għadni hawn” u lit-tifla ġieli qalilha “Mulej eħlisni minn hawn ġew, jiena ma’ ommok xbajt”.

Il-mara kompliet tgħid li darba nqala’ argument fil-kċina u għax it-tifla irrispondietu garalha sikkina tas-samuraj. Hi marret tgħid lit-tifla biex tħallieh ikompli jippakkja ħa jitlaq u meta t-tifel mar ikellmu, heddu biex ma jersaqx lejn l-appartament fejn kien sejjer. Il-mara semmiet ukoll kif lit-tifla darba qalilha li “jien tlift lil missieri għax miet, imma int tliftu għax jobgħodok … anzi nobgħodok aktar minn ommok” u darb’oħra qalilha li mindu telaqhom kien qed igawdi l-libertà. Skont hi, qabel telaq mid-dar beda jkanta li “fl-aħħar liberu, lili nsewni, issa kuntent”. Xehdet ukoll kif lil oħtu qalilha li jekk tibqa’ tilqagħha f’darha, setgħet tinsa li hu ħuha.

Fl-avvidavit, il-mara kompliet tgħid li mindu telaq mid-dar, it-tensjoni spiċċat u minbarra li jistudjaw, it-tfal qed jagħmlu mill-aħjar biex ix-xogħol jinqasam bejn kulħadd biex kulħadd iġorr biċċa responsabbiltà u ma jbati ħadd.

Min-naħa tiegħu, fl-affidavit ir-raġel iddeskriva l-20 sena li dam miżżewweġ magħha bħala “ta’ tbatija, sagrifiċċju u abbandun totali”. Qal li kienet titlaq mix-xogħol kmieni u tirritorna d-dar tard filgħaxija jew tiġi kmieni, tinħasel u toħroġ għall-attivitajiet. Qal li hu kien ikun dejjem id-dar isajjar, jaħsel, jixtri u jieħu t-tfal fejn kellhom bżonn imorru. L-unika ħaġa li kienet tagħmel kienet il-mogħdija tal-ħwejjeġ u kultant kienet tiżbarazza xi ħwejjeġ li kien ikun hemm barra. Qal li tant kellu stress li spiċċa b’uġigħ f’għonqu sa dahru u kellu jagħmel xahrejn bil-kullar. Mar għand speċjalista, li rrakkomandalu eżerċizzju fiżiku u għawm.

Ir-raġel kompla jgħid li għall-ewwel, martu gergret meta qalilha biex toqgħod id-dar mat-tfal sakemm imur il-gym, iżda mbagħad aċċettat. Wara tħajjret hi u ma sabx oġġezzjoni, basta tibqa’ tagħti s-sehem tagħha fid-dar. Skont hu, lit-tifla kważi rabbiha waħdu u kien qisu “x-xufier tat-taxi” tagħha. Meta kienet tkun qed tistudja, kien itellalha l-frott u t-té bil-gallettini, kif ukoll li kienet qisha reġina żgħira. Kienet tmur tixtri miegħu u meta kienu joħorġu, kienet iżżommlu jdejh, tant li ġieli ħasbuha t-tfajla tiegħu.

Ir-raġel qal li ma’ ommha ma kienet tingwalaha xejn u kienet tgħidlu “kemm ma niflaħiex”. Sostna li jekk ma kinitx taqbad miegħu, martu kienet taqbad magħha u kienet tipprova anke tawwieh kontra t-tifla. Kompla jgħid li meta kellha problema bil-bone density u kellha tagħmel tliet xhur fis-sodda, ħa ħsiebha u anke ħass li kienu resqu lejn xulxin, iżda meta ħadet saħħitha lura reġgħet bdiet taqa’ u tqum minnu. Qal li ħassu użat bħal lumija u rrefera għall-vaganza fit-Tuneżija, fejn qal li għalkemm mhux kollox kien ward u żahar, qattgħu ġimgħa mhux ħażin. Madankollu, meta ġew lura, mal-ewwel argument qalet li ġie jaqa’ u jqum minnha għax kienet tbati b’daharha u ġiegħelha tirkeb fuq il-ġemel.

Fl-avvidavit, ir-raġel kompla jgħid li din l-akkuża weġġgħetu u ddeskriva dakinhar bħala l-“bidu tat-tmiem” tar-relazzjoni minħabba li gidbet fuqu. Skont hu, l-affarijiet tant marru għall-agħar li lanqas bdew jitkellmu u qabel kienet tasal mid-dar filgħaxija kien jitla’ fuq jara t-televiżjoni fil-kamra tas-sodda ħalli ma jargumentawx bejniethom. “Kont qed ngħix ħajja tant imdejjaq li ma flaħtx nissaporti aktar … kont inħossni qisni ma neżistix għaliha … kont fi stat li nagħmel suwiċidju”. Żied li llum li jgħix waħdu jħossu aktar fil-paċi u akkużaha li dejjem fittxet l-interessi personali tagħha u mhux tal-familja, tant li fl-aħħar, kontra qalbu, kellu jgħid “issa daqshekk” u jitlaq mid-dar.