Ambjent Lokali

NET News illejla jiżvela korrispondenza li t-tender estiż tliet minuti qabel l-għeluq issa ġie kkanċellat

Is-sejħa għall-offerti li ħareġ id-Direttur tal-Kuntratti biex jinkrew ammont kbir ta’ karozzi ħalli jintużaw mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) twaqqaf ħesrem wara l-istorja li kienet ippubblikata mill-ġurnal In-Nazzjon. Dan it-tender qajjem kontroversja wara li ġie estiż b’sempliċi email, li ntbagħtet ftit minuti biss qabel ma għalqet is-sejħa. Il-Ġimgħa li għadda, In-Nazzjon żvela kif dan it-tender, li kellu jagħlaq il-Ħamis filgħodu, kien estiż b’ġimgħatejn oħra.

NET News illejla se jiżvela korrispondenza li turi li s-sejħa intitolata “Supply Tender for the Leasing of Low Emission Self-Drive Motor Vehicles by the Malta Environment and Planinng Authority“, għal xi raġuni, ġiet ikkanċellata. It-tender, maħruġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti fis-27 ta’ Ġunju, kien għall-provvista ta’ 54 karozza b’emissjonijiet baxxi lill-MEPA għal ħames snin. Il-valur tal-kuntratt hu stmat li kien se jkun ta’ aktar minn €1 miljun.

Iż-żmien biex wieħed jitfa’ l-offerta kellu jagħlaq il-Ħamis li għadda fid-9.30am ħalli fl-10 jinfetħu l-offerti. Madankollu, fid-9.27am, kien komunikat b’email li t-tender kien se jiġi estiż sal-21 ta’ Awwissu. Sorsi li kienu tkellmu mal-ġurnal In-Nazzjon qalu li għalkemm l-estensjoni kienet komunikata tliet minuti biss qabel il-ħin tal-għeluq, id-deċiżjoni biex it-tender ikun estiż ittieħdet madwar sagħtejn qabel. Dubji oħrajn dwar dan it-tender kienu tqanqlu anke għax irriżulta wkoll li fil-proċess tas-sejħa, inbidlu diversi speċifikazzjonijiet tat-tender u dan qajjem diversi mistoqsijiet fost dawk li kienu nteressati jissottomettu l-offerta tagħhom.

Meta In-Nazzjon żvela l-istorja, il-MEPA kienet ħarġet stqarrija biex tippreċiża li t-tender inħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti u mhux minnha. Kienet qalet ukoll li d-deċiżjoni li jitwal iż-żmien tas-sottomissjonijiet lanqas ma ħaditha hi. Wara dan l-iżvilupp li t-tender ġie kanċellat, s’issa għadha ma nħarġet l-ebda komunikazzjoni uffiċjali, la mill-MEPA u lanqas mill-Uffiċċju tad-Direttur tal-Kuntratti.