Għawdex Lokali Qorti

Tifla mfittxija mill-awtoritajiet Ġermaniżi issa se tibqa’ f’pajjiżna

Julia Wiedekind, it-tifla ta’ disa’ snin li kienet imfittxija mill-awtoritajiet Ġermaniżi wara li nġiebet Malta minn ommha, issa se tibqa’ f’pajjiżna. Dan wara li l-awtoritajiet Ġermaniżi waqqgħu l-kawża quddiem il-Qorti ta’ Għawdex biex Julia tkun ripatrijata lejn il-Ġermanja. Nota li kienet sottomessa quddiem il-Qorti ta’ Għawdex tgħid li l-awtoritajiet Ġermaniżi rtiraw il-kawża għax huma tal-fehma li tkun trawma għal tifla ta’ disa’ snin li tkun sfurzata tmur lura lejn il-Ġermanja waħedha.

Għaldaqstant, is-smigħ ta’ din il-kawża, li kellu jsir għada fil-Qorti ta’ Għawdex, waqa’. Dan l-iżvilupp wasal ftit jiem wara li l-Qorti f’Għawdex iddikjarat li t-teħid ta’ żewġt itfal lura lejn il-Ġermanja minn social workers Ġermaniżi kien att illegali għax it-tfal kienu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija. Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li meta s-social workers Ġermaniżi ħadu lit-tfal mingħajr il-permess tal-awtoritajiet Maltin, huma kisru l-provvedimenti tal-istess Konvenzjoni ta’ The Hague kontra l-ħtif tal-persuni, li fuqha kienu qed jibbażaw il-każ tagħhom.

Iż-żewġ subien, Jeremias u Jayden Albrecht, ittieħdu l-Ġermanja minn taht għajnejn l-Aġenzija Appoġġ fil-bidu ta’ Lulju. F’intervista ma’ MaltaRightNow.com aktar kmieni dan ix-xahar, omm is-subien ta’ erba’ snin u sentejn, Sabrina Albrecht, stqarret li ma kellha ebda kuntatt ma’ uliedha minn meta nħatfu minn Għawdex. Ma kelliex lanqas idea fejn jinsabu fil-Ġermanja u jekk l-aħwa għadhomx flimkien jew firduhomx. Sadanittant, fl-aħħar jiem, ipprunvajna nieħdu wkoll ir-reazzjoni taċ-Chairman tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Social Welfare Alfred Grixti, li iżda rrifjuta li jikkummenta. Qal biss li mhux se jitkellem għax hemm inkjesta għaddejja.