Lokali

Twissija ta’ sħana qawwija f’Awwissu

Wara li statistika li ħarġet fl-aħħar jiem uriet li x-xahar ta’ Lulju kien aktar frisk mill-medja tas-snin preċedenti, ma jidhirx li se jingħad l-istess għal Awwissu. Dan hekk kif id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħareġ twissija ta’ mewġa ta’ sħana, li mistennija tolqot lil Malta u Għawdex fil-jiem li ġejjin.

Id-Diviżjoni tas-Saħħa wissiet lill-pubbliku li l-ogħla temperatura mistennija tkompli togħla matul din il-ġimgħa u fakkret li ż-żieda fis-sħana twassal għal telf tal-ilma mill-ġisem, li jista’ jwassal għal dehydration. L-istqarrija tfakkar li l-agħar li jintlaqtu minn temperaturi ogħla huma l-anzjani, it-trabi u t-tfal żgħar, kif ukoll persuni li jbatu minn xi kundizzjoni kronika jew huma nies attivi ħafna.

Għalhekk, id-Diviżjoni tas-Saħħa appellat lill-pubbliku biex jevita li joħroġ barra bejn il-11am u l-4pm u joqgħod f’postijiet friski fid-dar jew il-post tax-xogħol. Dan minbarra li hu importanti l-konsum ta’ ilma regolarment u ikel frisk, filwaqt li f’każ ta’ dubju wieħed għandu jikkonsulta lit-Tabib.