Partrick Vieira kkritika bl-aħrax il-ħatra ta’ Carlo Tavecchio bħala l-President il-ġdid tal-FIGC.
Tavecchio kien konfermat fil-kariga t-Tnejn wara li kiseb 63.33% tal-voti u għeleb il-kompetizzjoni tal-eks midfielder internazzjonali Taljan u ta’ Milan Demetrio Albertini.
L-elezzjoni kienet imtappna bil-kummenti razzisti li għadda Tavecchio li għandu 71 sena waqt il-kampanja tiegħu. Waqt laqgħa mal-lega tad-dilettanti u dik tas-Serie A, Tavecchio rrefera għall-influss tal-plejers barranin fl-Italja bħala “dawk li jieklu l-banana”.
L-eks plejer ta’ Milan, Juventus u Inter, Partrice Vieira li llum hu nkarigat mill-iskwadra ta’ żvilupp ta’ Manchester City, esprima r-rabja tiegħu għal din il-ħatra.
“Insibha diffiċli li nemmen li Carlo Tavecchio kien elett president tal-FA Taljana wara l-kummenti li għadda. Għalija dan juri kemm kapaċi jaslu l-awtoritajiet Taljani tal-futbol u kif jimxu mad-diskriminazzjoni. 63% ta’ dawk li vvutaw qed jammettu li mhumiex jiġġieldu r-razziżmu jew li ma jridux jiġġieldu dawn il-problemi. Lgħabt għal snin twal fl-Italja u naf x’qed ngħid. Li kien Ingliż li għadda dawk il-kummenti, politikament kien ikun kompletament barra. Id-deċiżjoni ttieħdet fil-futbol imma naħseb li hi akbar mill-futbol. Deċiżjoni li biha l-pajjiż kollu għandu jara l-messaġġ li jrid jintbagħat u x’jaħsbu dwar ir-razziżmu,” qal Vieira fuq Twitter.
Intant Tavecchio qal li tgħallem ħafna mill-kampanja elettorali li kellu u qal li se jieħu l-massimu minn “era fejn il-kliem u d-dehra huma aktar importanti mill-ħsibijiet u l-ħidma.”
“Nirringrazja lil dawk li tawni fiduċja u baqgħu jappoġġjawni anke f’mumenti diffiċli. Imma nirringrazzja wkoll lil dawk li leġittimament kellhom evalwazzjonijiet oħra. Irrid inkun u ninsab ċert li se nkun il-President ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk li esprimew rabja għall-kandidatura tiegħi. Barra dan se nipprova nġib ruħi ftit aħjar u mhux goff u bla stil kif ġustament irrimarka xi ħadd,” qal Tavecchio.
//= $special ?>

