Kultura

Wirja bil-pitturi ta’ Helen u Lewis Wirth fil-Berġa tal-Italja

F’Malta għandna diversi persuni rinomati għat-talent tagħhom fl-arti, iżda għandna daqstant ieħor li minkejja l-kapaċità kbira tagħhom, qatt ma ħarġu fid-dawl biex il-pubbliku jsir jafhom u dejjem żammew profil baxx.

Sfortunatament, il-kobor ta’ dawn l-artisti joħroġ wara mewthom, bħalma ġara fil-każ tal-koppja tal-artisti Helen u Lewis Wirth, li wara li mietu, binthom Mariz Cassar, iddeċidiet li dak li ma għamlux ommha u missierha meta kienu għadhom ħajjin, tagħmlu hi wara mewthom. Fil-fatt, hi qed ittella’ wirja mill-isbaħ ta’ aktar minn 150 biċċa xogħol ta’ teknika differenti.

F’intervista li se tiġi ppubblikata fil-ħarġa tas-Sibt ta’ In-Nazzjon, Mariz tispjega li meta kienet qed tagħmel ir-riċerka tagħha fid-dar tal-ġenituri tagħha, baqgħet immeraviljata bix-xogħolijiet li għamlu matul is-snin u li kważi lanqas hi ma kienet taf bihom. Tispjega li għalkemm il-professjoni ta’ missierha kienet dik ta’ bankier, hu dejjem kien jiġri bil-ktieb tad-disinji taħt abtu u jiddisinja dak kollu li jogħġbu, inkluż siti storiċi, persuni u xeni naturali.

Dawk kollha li jixtiequ jattendu din il-wirja tal-arti, jistgħu jżuru l-Berġa tal-Italja kuljum bejn it-8am u l-5pm sat-Tnejn li ġej, 18 ta’ Awwissu. F’din l-esibizzjoni wieħed isib selezzjoni ta’ opri tal-arti li dawn iż-żewġ artisti għamlu tul ħajjithom. Barra minhekk, għal din l-okkażjoni tnieda wkoll ktieb apposta, li jiġbor ix-xogħolijiet ta’ dawn l-artisti u li żgur se jolqot l-attenzjoni tal-pubbliku ġenerali.

Segwi l-intervista kollha ma’ Mariz Cassar fil-ħarġa tas-Sibt tal-ġurnal In-Nazzjon

(Ritratt: Pittura li Lewis Wirth għamel ta’ bintu Mariz)