Internazzjonali

Tkompli l-inċertezza dwar il-konvoj Russu

Tkompli tirrenja l-inċertezza dwar il-konvoj Russu li skond l-awtoritajiet Russi ser iwassal għajnuna lin-nies tal-lvant tal-Ukrajna. Konvoj li dwaru l-gvern ta’ Moska mhux jgħati dettalji, xi ħaġa li wasslet biex il-gvern tal-Ukrajna ħabbar li ma’ kienx ser iħalli l-konvoj jidħol fil-pajjiż.

Il-konvoj magħmul minn 280 trakk militari bħalissa jinstab f’Voronezh, belt madwar 500km il-bogħod minn Moska. L-Ukrajna tinstab kawta minħabba li ħafna jemmnu li l-konvoj huwa skuża sabiex ir-Russja tinvadi l-Ukrajna.

Il-ġlied bejn il-gvern Ukren u separatisti favur ir-Russja diġa ħalla l-fuq minn elfejn persuna mejta filwaqt li madwar 300,000 kellhom jaħarbu min darhom.