Residenti ta’ Wied il-Għajn qed jilmentaw dwar proposta tas-Sindku Laburista ta’ din il-lokalita’, Mario Calleja biex l-użu ta’ latrina li tinsab taħt il-Knisja ta’ Sant Anna fi Pjazza Dun Tarċis Agius isir bi ħlas.
F’waħda mill-ittri li ntbagħtu lil diversi gazzetti fuq dan is-suġġett, fil-gazzetta Il-Mument, resident ta’ Wied il-Għajn bl-isem R Farrugia kien spjegat li skont il-minuti tal-laqgħa tat-22 ta’ April li għadda, is-Sindku ppropona li waħda mil-latrini f’Wied il-Għajn issir bi ħlas.
Mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li waqt diskussjoni dwar in-nuqqas ta’ indafa fil-latrini f’Wied il-Għajn, is-Sindku ssuġerixxa li jkun hemm latrina bi ħlas ħalli l-Kunsill ma joħroġx flus għaliha. Hu kien qal ukoll li qed jisuġġerixxi dan minħabba li meta r-responsabbilita’ tal-latrini għaddiet għand il-Kunsilli Lokali ma kienx hemm allokazzjoni finanzjarja żejda għal din il-ħidma.
Is-Sindku Mario Calleja, irrisponda għall-ittra u ammetta li kien għamel dan is-suġġeriment. Hu qal li kien qed jissuġġerixxi li l-latrina ta’ taħt il-Knisja issir bi ħlas ħalli l-pubbliku jkun moqdi aħjar. Sostna li hu kien ssuġerixxa li ssir tariffa għall-użu ta’ din il-latrina u qal li hemm differenza bejn tarriffa u taxxa.
F’kontro-risposta, ir-resident Farrugia staqsa għaliex is-Sindku għażel l-latrina ta’ taħt il-Knisja ta’ Sant Anna fis-suġġeriment tiegħu li waħda mill-latrini f’Wied il-Għajn għandha tkun bi ħlas. Fl-opinjoni ta’ Farrugia is-Sindku għażel din il-latrina partikolari għaliex hija l-iktar waħda li tintuża min-nies.
Farrugia qal ukoll li “meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni kien il-ħin kollu jtambar u jgħajjar lill-Gvern Nazzjonalista li m’hemmx differenza bejn tariffa u taxxa għax din xorta tissarraf fi ħruġ ta’ flus mill-bwiet tan-nies.” Imma issa s-Sindku qed jinsisti li hemm differenza filwaqt li fakkar li s-Sindku Mario Calleja kien kandidat tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Tal-istess fehma kien resident ieħor minn Wied il-Għajn li f’ittra fil-ġurnal l-Orrizont taħt l-isem MB rrefera għall-ittra ta’ Farrugia u r-risposta tas-Sindku fil-gazzetta Il-Mument. Dan it-tieni resident qal li lilu ma tagħmillux differenza jekk il-ħlas jissejjaħx tariffa jew taxxa. Il-fatt hu li s-suġġeriment tas-Sindku Laburista “jibqa’ wieħed li min juża latrina irid iħallas, xi ħaġa li sal-lum ma teżistix.”
Iż-żewġ residenti għamlu referenza wkoll għad-dikjarazzjoni tas-Sindku li qal li mhux kuntent bix-xogħol kif qed isir fuq il-latrini pubbliċi. Fl-ittri tagħhom iż-żewġ residenti rreferew għall-fatt li hemm kuntrattur li jieħu ħsieb dawn il-latrini.
Ir-resident M.B spjega li jekk il-Kunsill ried jagħmel l-affarijiet sew messu impona kundizzjoni li l-kuntrattur irid iżomm l-latrini nodfa. Hu qal li jekk imbagħad dawn ma jinżammux nodfa, tkun qed tinkiser kundizzjoni fil-kuntratt u għalhekk wieħed ma jkollux idur fuq in-nies biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ indafa billi jitlobhom ħlas. Tenna li jekk il-kunsill ma niżżilx din il-kundizzjoni allura żbalja bl-ikrah. Sostna li f’dan il-każ, iżjed u iżjed wieħed m’għandux idur fuq in-nies għax dawn m’għandhomx jintalbu jagħmlu tajjeb għall-ineffiċjenzi tal-Kunsill Lokali.
Ir-resident l-ieħor akkuża wkoll lis-Sindku li jrid iqarraq, u li ddefenda lill-kuntrattur minkejja li l-latrini fil-lokal qed jinżammu maħmuġin. Irrefera wkoll għall-kalkoli esaġerati li ħareġ bihom is-Sindku meta qal li biex wieħed jieħu ħsieb l-erba’ latrini pubbliċi f’Marsascala jinħtieġu 16-il ħaddiem li jiswew madwar 175 elf ewro fis-sena. “Mela se jibni dawn il-latrini mill-ġdid kull sena ?” staqsa b’mod sarkastiku l-awtur tal-ittra waqt li kompla jikkummenta “mur afdalu negozju f’idu, f’ħakka t’għajn ifalliħ”.
Fl-ittri tagħhom, iż-żewġ residenti sejħu lill-Ministru Owen Bonnici u lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali biex jikkonfermaw jew jiċħdu jekk hux se jkun milqugħ is-suġġeriment tas-Sindku li l-latrina taħt il-Knisja ta’ Sant’ Anna issir bi ħlas.
//= $special ?>