Il-mod kif il-Gvern Laburista ġab ruħu fil-kriżi li issa ilha fil-Libja – mod partiġġjan u inkompetenti bil-fatti – jibqa’ joħloq kuntrast kbir ma’ dak li ġara tliet snin ilu.
Diżinteress mill-Gvern
Il-fatti jitkellmu waħedhom. Il-Gvern qal li ma kienx hemm lok għal inkwiet fuq il-Libja u b’hekk ta sinjal ħażin l-aktar lill-Maltin li kienu hemm. Il-Gvern qal ċar li ma kienx hemm għalfejn jevakwa lill-Maltin ġranet sħaħ wara li kellu Malti maħtuf u meta ħafna Maltin hemmhekk kienu qed igergru bil-kbir mid-diżinteress tal-Gvern.
Partiġjaniżmu u ħabi
Apparti l-inkompetenza, kellna mbagħad il-partiġjaniżmu fil-każ tal-Malti maħtuf; każ li fih il-Gvern Laburista ħeba flok għarraf. F’ħaġa sensittiva u serja bħal ħtif, il-Gvern mank informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni. U qal xi ħaġa fil-Parlament biss għax l-Oppożizzjoni talbet dibattitu, u ħallieh sal-aħħar ġurnata qabel jagħlaq għas-sajf.
L-effett tal-ħatriet tal-pjaċir
Kellna mbagħad l-effett ikrah tal-ħatriet tal-pjaċir. Kulħadd seta’ jara d-differenza bejn il-mod kif ġabet ruħha Armata professjonali tliet snin ilu u l-mod ineżistenti kif ġabet ruħha issa mmexxija minn Kap Kmandant tal-pjaċir flok tal-mertu. L-istess l-Ambaxxatur għal-Libja li ma deher imkien.
Muscat jippoppa
Il-Gvern kellu jdur għall-konslu Marisa Farrugia. Meta salvat ħajjet il-Malti maħtuf – kif qal l-ostaġġ stess – il-Prim Ministru Muscat mar jippoppa saħansitra qabel il-familja tal-ostaġġ ħalli jieħu l-mertu ta’ xogħol il-konslu li kien issospendieha xahrejn qabel.
Gvern jigdeb fuq l-ostaġġ
Kellna mbagħad il-mod oxxen kif il-Gvern qagħad jilgħab mal-media ħabiba tiegħu jgħid li Martin Galea mhux veru kien maħtuf. U meta l-Gvern ġie mgiddeb, ħareġ ukoll kif il-Gvern qatt ma kellu kuntatt ma’ min ħataf lill-Malti u allura l-mertu tal-ħelsien tiegħu mhu xejn ta’ min mar jippoppa u kollu tad-diplomatika professjonali.
Kuntrast kbir
Dan hu l-mod kif il-Gvern Laburista ġab ruħu fil-kriżi tal-Libja li messu nduna biha minn kmieni u messu kien ferm aktar prudenti biex ma jpoġġix f’sogru is-saħħa u l-ħajja tal-Maltin hemmhekk.
Kuntrast kbir ma’ tliet snin ilu.
Ħabi, inkompetenza, partiġjaniżmu u ppuppar
Imma l-aqwa għal dal-Gvern mhix il-kompetenza tal-ħatriet tal-mertu, mhix it-trasparenza mal-poplu u mal-Maltin hemmhekk, mhix li jwarrab il-partiġjaniżmu fi kriżi wara biebna; anzi, għall-Gvern Laburista l-importanti hi l-inkompetenza tal-ħatriet tal-pjaċir, il-partiġjaniżmu anke fi kriżi, u – importanti fuq kollox – l-ippuppar.


