Il-kultura li f’dan il-pajjiż kollox sar xejn mhu xejn u li kollox jgħaddi, qed tiżdied u saret sintomatika ta’ dak li qed jiġri f’Malta. Dan kien il-punt ewlieni li joħroġ mill-Editorjal tal-Ħadd li għadda f’The Sunday Times of Malta u anke tal-bieraħ f’The Malta Independent. Iż-żewġ Editorjali jsostnu li t-tnaqqis ta’ ċerti livelli ta’ standards f’pajjiżna jidher li hu istituzzjonalizzat.
L-Editorjal ta’ The Sunday Times jgħid li saret komuni li tara vannijiet u karozzi, inkluż dawk li jużaw il-Ministeri u Uffiċjali tal-Gvern, ipparkjati b’mod illegali fil-parti ta’ fuq fi Triq Merkanti fil-Belt, li hi żona pedonali mill-isbaħ. Isostni li mad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, il-mentalità Mediterranja li ngħawwġu l-Liġijiet kif ġieb u laħaq bdiet tiġi sfidata b’serje ta’ Liġijiet ġodda ħalli Malta ttejjeb l-istandards tagħha. Fost oħrajn, beda jintmessilna l-but u żdiedu ċ-ċitazzjonijiet u l-multi, perezempju bl-introduzzjoni tas-sistema tal-wardens.
L-istess ġara fejn jidħlu r-regoli stretti tal-MEPA u dawk tal-kaċċa u l-insib. Minkejja li ħafna nies ilmentaw dwar dan, saru aktar konxji dwar l-importanza tal-ambjent li ngħixu fih u l-benefiċċji li ngħixu f’pajjiż b’aktar ordni. Iżda kif mistenni, hekk kif l-infurzar u l-multi żdiedu, il-popolarità tal-Gvern Nazzjonalista naqset. Min-naħa l-oħra, jgħid l-Editorjal, il-Partit Laburista tela’ bl-għajta li se jaghmel l-affarijiet b’mod differenti, kif fil-fatt għamel. Dan ghaliex, gradwalment, reġa’ daħħal il-kultura fejn l-illegalitajiet reġgħu saru l-ordni tal-ġurnata.
“Hemm sentiment qawwi fost dawk li jobdu l-Liġi, li jistgħu jgħadduha lixxa jekk jiksru l-Liġi”, jenfasizza l-Editorjal ta’ The Sunday Times. Bħala eżempju jsemmi l-iżvilupp, l-interessi tal-kaċċaturi, is-servizz tat-trasport pubbliku, il-parking illegali, l-emmissjonijiet mill-vetturi u anke l-infurzar mill-Gwardjani Lokali, li llum jispikkaw għar-raġuni l-ħażina, fl-assenza tagħhom.
Min-naħa l-oħra, l-Editorjal ta’ The Malta Independent hu aktar aħrax fi kliemu u jiddeskrivi din l-attitudni bħala l-Liġi tal-Ġungla f’pajjiż fejn kollox sar jgħaddi. Jiddeskrivi dak li ġara matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, meta karozza pparkjata b’mod illegali wasslet biex ħelikopter tal-Forzi Armati intiż li jiġbor minn Għawdex pazjent li kien għadu kif tatu puplesija, ma setax jinżel fil-Helipad tal-Isptar San Luqa. Sar magħruf li dan il-pazjent ma setax jiġi salvat, anke kieku l-ħelikopter wasal fil-ħin. Imma dak mhux il-punt, jgħid l-Editorjal, immaġina li kieku seta’ jiġi salvat.
Wiehed assolutament ma jifhimx kif jista’ jkun li xi ħadd jipparkja karozza u jimblokka l-aċċess għal Helipad, jgħid l-Editorjal, li jistaqsi “possibbli li qed ngħixu f’soċjetà daqshekk egoista?”. L-Editorjal itemm jgħid li dan l-inċident partikolari hu sintomatiku tal-attitudni tagħna bħala soċjetà inġenerali.
//= $special ?>

