Lokali Saħħa

Il-każ tal-Helipad joħloq tħassib inkwetanti – il-PN

Il-każ tal-ħelikopter li kellu jdur lura minħabba li vettura kienet qed timblokka l-aċċess għall-Helipad fl-Isptar San Luqa joħloq tħassib inkwetanti fil-qasam tas-saħħa għax jesponi sensiela ta’ nuqqasijiet li m’għandhomx jiġu aċċettati f’qafas ta’ servizz tas-saħħa pubbliku u modern, li jiswa’ lil pajjiżna aktar minn €400 miljun fis-sena.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem għas-Saħħa Claudio Grech, il-Partit Nazzjonalista qal li għalkemm l-informazzjoni uffiċjali maħruġa mill-Gvern hi konfuża, kontradittorja u ma tistabbilixxix il-fatti b’mod ċar u kronoloġiku, f’dan l-istadju, il-PN jinnota:

Nuqqas serju ta’ trasparenza
L-istqarrijiet tal-Gvern fid-9 ta’ Awwissu u dawk li ġew irrappurtati t-Tnejn jixhdu verżjonijiet u fatti differenti. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza fuq materji daqstant sensittivi jista’ jwassal biex titnaqqas il-fiduċja tal-poplu fis-servizz tas-saħħa pubblika u joħloq inċertezza kbira, b’mod partikolari fi żmien fejn din il-fiduċja għandha tissaħħaħ mhux titnaqqar. M’hemm l-ebda trasparenza lanqas dwar iċ-ċirkostanzi u d-dettalji bażiċi ta’ min kien qed jimblokka l-aċċess għall-Helipad u jekk din il-persuna kelliex permess għall-aċċess għal dan il-post.

Preġudikar tal-Inkjesta Maġisterjali
Filwaqt li jilqa’ d-deċiżjoni li ssir Inkjesta Maġisterjali, il-PN qal li jqis li l-istqarrijiet tat-tmexxija tal-Isptar, li dan id-dewmien ma kellu l-ebda impatt fuq il-każ tal-pazjent Għawdxi, jistgħu jippreġudikaw l-eżitu tal-Inkjesta qabel ma lanqas bdiet. Dawn it-tip ta’ stqarrijiet prematuri huma inaċċettabbli u insensittivi b’mod speċjali meta l-pazjent konċernat ikun tilef ħajtu.

Nuqqas ta’ amministrazzjoni u kontrolli
Il-Helipad hu infrastruttura ta’ emerġenza nazzjonali, li għandu jkun lest għall-użu 24 siegħa kuljum għal sebat’ijiem fil-ġimgħa. Għaldaqstant, hu l-obbligu bażiku tal-Gvern li jara li din it-tip ta’ infrastruttura tkun amministratta u kkontrallata l-ħin kollu mingħajr illaxkar. Mill-fatti li rriżultaw s’issa f’dan il-każ, anke minn eżerċizzju li għamel il-ġurnal The Times, jidher bl-aktar mod ċar li dan mhux qed isir, b’riflessjoni ta’ amministrazzjoni difettuża fuq materji daqstant bażiċi u sensittivi.

F’dan l-isfond, il-PN qal li jistenna li l-Gvern jippubblika l-kronoloġija fattwali ta’ dak li seħħ f’dan il-każ u wara jħalli l-inkjesta titmexxa b’mod seren u mingħajr pressjoni li trid tilħaq xi konklużjoni diġà stabbilita, temmet tgħid l-istqarrija.