Sport Waterpolo

Il-partita bejn Marsascala u Otters abbandunata

Il-Finali tal-BOV Knock Out tal-Ewwel Diviżjoni bejn Marsascala u Otters ġiet abbandunata fuq deċiżjoni tal-President tal-ASA Joe Caruana Curran wara li kienu għaddew biss żewġ sekondi mit-tieni taqsima. Dan wara li nqata d-dawl elettriku b’mod li l-partita ma setgħetx titkompla.

Fl-ewwel sessjoni Marsascala kienu qed jirbħu 3 – 2 b’żewġ gowls ta’ Marnitz u gowl minn Liam Griscti filwaqt li Vukasanovic skorja ż-żewġ gowls ta’ Otters.

Referees tal-partita kienu Alex Degabriele u Massimiliano Sponza.

Il-partita se titkompla nhar it-Tnejn 18 ta’ Awwissu fis-7 ta’ filgħaxija.

F’partita mir-Relegation Pool tal-Kampjonat Premier Sirens Ritter Sports għelbu lil Exiles Ferretti 16 – 11. Sirens rebħu s-sessjonijiet kollha għajr it-tielet waħda li ntemmet 3 – 3 .

L-ewwel żewġ sessjonijiet li Sirens rebħu 4 – 2 u 3 – 2 kienu biżżejjed biex fetħu vantaġġ sostanzjali bl-aħħar sessjoni mirbuħa wkoll minnhom 6 – 4 għall-iskor finali ta’ 16 – 11.

L-aħjar scorers għal Sirens kienu Presciutti b’4 gowls u Mizzi bi tlett gowls filwaqt li Rizzo Naudi u Griscti skurjaw tlett gowls kull wieħed għal Exiles.

Referees tal-partita kienu Mario Dalli u Massimiliano Sponza.