L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) klassifikat il-Kenja bħala pajjiż f’riskju kbir li tintlaqat ukoll mill-amrda fatali tal-Ebola.
Il-WHO qalet li l-Kenja kienet vunerabbli għaliex kienet qafas importanti tat-trasport fil-kontinent Afrikan, partikolarment dawk ġejjin mill-Punent tal-Afrika.
Din kienet l-aktar twissija serja mill-WHO li l-Ebola tista’ tinfirex lejn il-Lvant tal-Afrika.
Tul dawn l-aħħar ġranet f’Nairobi, il-kapitali tal-Kenja, beda jkun hemm għassa tal-passiġġieri liq ed jidħlu fil-pajjiż miż-żoni tar-riskju tal-Ebola.
Esperti minn madwar id-dinja qed jippruvaw jrażżnu l-Ebola li feġġet fil-Punent tal-Afrika u fejn qatlet aktar minn 1,000 persuna.
Fil-frattemp, il-Kanada ħabbret li kienet se tagħti tilqim sperimentali għall-Ebola lill-Liberja fi sforż biex tipprova tikkontrolla l-marda. Dan it-tilqim għadu fil-fażi sperimentali imma l-indikazzjonijiet huma li hu effettiv.
Il-Kanada se tibgħat madwar 1,000 tilqim biex jintużaw mill-ħaddiema tas-saħħa li qed jikkuraw lil dawk morda bl-Ebola.
It-Tlieta, il-WHO approvat li jibdew jintużaw mediċini li għadhom fil-fażi sperimentali fuq dawk morda bl-Ebola. Imma minkejja dan esperti qalu li kemm it-tilqim kif ukoll id-droga sperimentali Zmapp huma limitati u se jkun hemm bżonn ix-xhur biex ikun hemm provisti adegwati.
L-Ebola feġġet l-ewwel darba fil-Guinea fi Frar u imbagħad infirxet lejn Sierra Leone, il-Liberja u n-Niġerja, fejn f’dan il-pajjiż nhar it-Tlieta kienet konfermata t-tielet mewt.
//= $special ?>

