Ilbieraħ filgħaxija saret il-kommemorazzjoni uffiċjali tat-72 anniversarju ta’ “Operation Pedestal”, jiġifieri l-wasla tal-għajnuna f’Malta mill-Ingilterra fit-tieni gwerra dinjija. Din l-attività, li fakkret dak li hu magħruf magħna l-Maltin bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija, saret f’Ta’ Liesse fil-Belt.
Fil-15 ta’ Awwissu tal-1942 il-Konvoj ta’ Santa Marija wasal Malta biex iwassal provvisti vitali għal poplu li kien wasal fl-aħħar wara xhur twal ta’ gwerra qalila. It-tifkira tal-bieraħ fil-Port il-Kbir kienet ċerimonja mimlija innijiet, qari u kant, li għaliha attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, kif ukoll dinjitarji u Ambaxxaturi f’pajjiżna.
Preżenti wkoll membri tal-Ġudikatura, rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, membri tal-Korp Diplomatiku u veterani tal-gwerra, kif ukoll William Mason, neputi tal-Kaptan Dudley William Mason, li kien imexxi l-SS Ohio li wassal f’pajjiżna ż-żejt tant bżonnjuż għall-gżejjer Maltin.
Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li kommemorazzjonijiet bħal dawn għandhom isaħħuna biex nippromovu l-paċi u l-istabbiltà. Qalet li d-djalogu bejn in-nazzjonijiet hu l-uniku mezz li jġib ftehim u għaqda, li jagħmlu daqshekk differenza fil-ħajja tan-nies. Il-President Coleiro Preca rreferiet għall-instabbiltà fl-Ukrajna, fin-Niġerja, f’Gaża, fl-Iraq, fil-Libja u anke fis-Sirja.
F’mumenti bħal dawn, qalet il-President ta’ Malta, għandna nitgħallmu mill-passat u nkomplu naħdmu biex pajjiżna, permezz tar-rwol strateġiku importanti tiegħu, ikun katalist għal djalogu bejn il-ġnus b’risq il-paċi u l-istabbilità fil-Mediterran u fid-dinja kollha.
Fi tmiem il-kommemorazzjoni, saret ċerimonja simbolika bit-tfiegħ ta’ fjuri fil-baħar biex jiġu mfakkra dawk li tilfu ħajjithom f’din il-missjoni u l-baħħara li tilfu ħajjithom waqt li kienu xogħol fuq il-baħar.
(Ritratt: L-SS Ohio fi triqtu lejn Malta fl-1942)
//= $special ?>

