Ekonomija Lokali

It-tieni l-akbar tnaqqis għal Malta fost l-UE fil-produzzjoni mill-industrija f’Ġunju

Matul Ġunju 2014, il-produzzjoni mill-industrija f’Malta reġgħet irreġistrat t-tieni l-akbar tnaqqis minn fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel ma’ Ġunju 2013. Dan meta l-medja tal-produzzjoni industrijali fit-28 Stat Membru żdiedet bi kważi 1% u r-rata medja fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro baqgħet fl-istess livell tal-2013.

Dan joħroġ minn statistika ppubblikata fl-aħħar sigħat mill-Aġenzija tal-Istatistika tal-UE (Eurostat), li turi li kien biss fil-Greċja li kien reġistrat tnaqqis akbar minn dak ta’ Malta fil-produzzjoni industrijali. Fil-Greċja, il-produzzjoni mill-industrija naqset bi kważi 7%, filwaqt li f’Malta naqset b’4%. It-tnaqqis kien reġistrat fi tmien pajjiżi biss u fil-bqija tal-Istati Membri kien hemm żieda.

Ix-xejra hi differenti meta Ġunju 2014 jitqabbel ma’ Mejju 2014. F’dan il-każ, filwaqt li bħala medja l-produzzjoni industrijali naqset bi ftit kemm fl-UE kif ukoll fiż-Żona ewro, f’Malta din żdiedet bi ftit aktar minn 5%. F’dan il-każ, Malta hi segwita mid-Danimarka u l-Ungerija.

It-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali jwassal għal għafsa fuq il-pagi

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din l-istatistika tikkonferma x-xejriet negattivi li qed jolqtu b’mod partikolari lis-settur industrijali ta’ pajjiżna. L-istqarrija, iffirmata mill-Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament u Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco, mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u mill-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività Kristy Debono, fakkret li dan mhux riżultat ta’ xi każ iżolat għax pajjiżna esperjenza tnaqqis f’kull xahar tal-2014, meta mqabbel mal-2013.

Dan hu żvilupp li jħasseb serjament lill-PN għax il-bażi industrijali ta’ pajjiżna, b’mod partikolari s-settur tal-manifattura, hi pedament kruċjali tal-ekonomija, li toħloq il-ġid u l-impjiegi, filwaqt li fuqha jiddependu numru ta’ setturi ekonomiċi oħrajn. Il-fatt li l-manifattura sejra lura xahar wara l-ieħor hu ta’ tħassib għall-familji Maltin u Għawdxin għax ikompli jagħfas fuq il-pagi, kif ukoll għax inaqqas is-serħan tal-moħħ fir-rigward tal-postijiet tax-xogħol.

Il-PN qal li quddiem dan kollu, aktar hu inkwetanti l-fatt li l-Ministru responsabbli mill-Ekonomija Chris Cardona hu sieket kompletament. Għalhekk, il-PN ġedded l-appell tiegħu lill-Gvern biex ma jibqax iwebbes rasu u llum qabel għada jagħrbel il-fatturi li qed jirriżultaw f’din is-sitwazzjoni u jieħu l-inizjattivi meħtieġa li tassew jistgħu jagħtu imbuttatura lill-industrija ta’ pajjiżna u fl-istess waqt joffru serħan tal-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin, temmet tgħid l-istqarrija.