Lokali

Kif mistenni, Autobuses de Leon magħżula bħala l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku

Kif kien mistenni, il-Gvern ħabbar li għażel lill-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon bħala l-kumpanija li magħha se jibda n-negozjati biex tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna wara l-Arriva. Fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li fil-jiem li għaddew ġie konkluż l-eżerċizzju tal-espressjoni tal-interess għat-tħaddim tat-trasport pubbliku u wara li ġew evalwati s-sottomissjonijiet li tressqu, irriżulta li din il-kumpanija ssottomettiet l-aħjar offerta skont il-kriterji stabbiliti fl-espressjoni li ħareġ il-Gvern. L-istqarrija kompliet li fil-ġranet li ġejjin se jibdew in-negozjati ufficjali ma’ din il-kumpanija, li kienet l-unika kumpanija barranija mit-tlieta li esprimew l-interess tagħhom f’din is-sejħa.

Fil-ġimgħat li għaddew, kif ikkonferma l-Gvern stess, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi żar lil din il-kumpanija li tefgħet offerta għall-kuntratt tat-trasport pubbliku, fi Spanja. Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina kien iddeskriva din iż-żjara bħala waħda tinten għax kienet tikser il-kundizzjonijiet tal-Espressjoni ta’ Interess li ħareġ il-Gvern stess. Fi Klawsola 10 tas-sejħa internazzjonali jingħad bl-aktar mod kategoriku li l-Ministru ma jista’ jitkellem ma’ ebda kumpanija li tkun tefgħet offerta għall-kuntratt, fl-ebda stadju tal-offerta. Mhux ċar jekk il-Ministru Mizzi u Transport Malta trattawx bl-istess mod liż-żewġ konsorzja l-oħrajn, it-tnejn lokali, li wkoll tefgħu offerta iżda li issa ma ġewx magħżula.

Sadanittant, meta MaltaRightNow.com kien żvela min huma t-tliet kumpaniji interessati f’din is-sejħa kien irrapporta kif din l-unika kumpanija barranija li esprimiet interess hi kumpanija żgħira, li tħaddem ftit aktar minn 100 persuna u bi dħul fis-sena ta’ ftit aktar minn €8 miljun. L-Arriva kienet timpjega madwar 1,200 persuna b’running costs ta’ madwar €72 miljun. Kien ġie żvelat ukoll li l-kumpanija li issa għażel il-Gvern toffri biss servizz tal-linja fi provinċja waħda fi Spanja, dik ta’ Leon, b’popolazzjoni ta’ madwar 132,000 persuna. Hi wkoll is-sussidarja lokali tal-kumpanija tax-xarabanks ALSA, li min-naħa tagħha hi kklassifikata bħala sussidarja fi Spanja tan-National Express Group tar-Renju Unit.

Dan minkejja li l-Gvern kien ftaħar li hawn interess qawwi minn diversi kumpaniji lokali u internazzjonali, bil-Ministru Joe Mizzi aktar kmieni kien indika li hemm sa 15-il kumpanija kbira li wrew interess fil-perjodu inizjali.