Fi tmiem din il-ġimgħa fil-Pjazza ta’ Buġibba u fit-toroq ewlenin tal-Qawra u Buġibba se jsir il-Karnival tas-Sajf ta’ Malta organizzat mill-Kumitat tal-Karnival, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill tal-Arti u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Bħalissa f’diversi imħażen għaddej l-aħħar xogħol fuq uħud mill-karrijiet li se jipparteċipaw fl-isfilata li se ssir fit-toroq ta’ Buġibba u l-Qawra.
Fl-aħħar sigħat żorna erbgħa minn dawn l-imħażen u iltqajna ma’ uħud mid-dilettanti tal-karrijiet waqt li kienu qed jagħmlu l-aħħar xogħol bi tħejjija għal tmiem din il-ġimgħa. Tkellima ma’ Brian Bonnici minn Ħaż-Żebbuġ li qal li l-Karnival tas-Sajf hu importanti għall-kultura u għat-turiżmu f’pajjiżna.
Parteċipant ieħor hu ż-żagħżugħ minn Ħal Qormi, Dorian Borg li kien qed jaħdem fuq il-karru tiegħu bit-tema tat-Tazza tad-Dinja li saret fil-ġimgħat li għaddew fil-Brażil.
Maltarightnow.com żar ukoll il-karrijiet ta’ Redeemer Casha u ta’ Shaun Curmi li wkoll se jkunu qed jipparteċipaw fil-Karnival tas-Sajf.
B’kollox fil-Karnival tas-Sajf se jipparteċipaw għaxar karrijiet, għaxar kumpaniji taż-żfin, u maskeruni waqt li jsiru wkoll wirjiet ta’ snajja tradizzjonali Maltin. Il-qofol tal-Karnival jintlaħaq fil-Pjazza ta’ Buġibba fejn se jsir il-programm taż-żfin u minn fejn se jgħaddu wkoll il-karrijiet. Dan il-karnival mistenni jkun ta’ attrazzjoni mhux biss għal eluf ta’ Maltin imma wkoll għal eluf ta’ turisti li bħalissa jkunu f’pajjiżna.
//= $special ?>