Lokali

Aġġornata b’aktar dettalji, Ritratti u Filmati mill-Qarrejja: Malta fid-dlam, b’uħud mil-lokalitajiet għal aktar minn 12-il siegħa

Filmati mibgħuta mill-qarrejja:

[youtube width=”620px” height=”465px”]X7SS-XMmHdw[/youtube]  

F’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet dalgħodu fil-Power Station tal-Marsa, l-ogħla Uffiċjali tal-Enemalta spjegaw li l-qtugħ tad-dawl tal-bieraħ filgħaxija kien ikkawżat minn ħsara f’wieħed mill-cables fiċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Marsa, magħrufa bħala Marsa South, fejn għall-ħabta tat-7.45pm seħħet l-isplużjoni taħt l-art f’wieħed mit-transformers. Din l-isplużjoni kkaġunat danni strutturali fuq it-tarmak u żviluppaw nirien. Il-ħsara sussegwentament ġibdet magħha l-Power Stations tal-Marsa u ta’ Delimara.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta Frederick Azzopardi spjega li ma jistax jikkwantifika l-ħsarat li, iżda, huma sostanzjali. L-Inġinier Azzopardi qal li hemm numru ta’ ħsarat strutturali u għalhekk hemm xogħol estensiv xi jsir minħabba li kien hemm xi tagħmir li nħaraq. L-Enemalta fetħet inkjesta interna, filwaqt li għaddejja wkoll investigazzjoni maġisterjali biex ikun stabbilit x’ġara ezatt. L-investigazzjonijiet interni qed isiru fuq tliet binarji: biex tkun magħrufa sewwasew il-kawża tal-isplużjoni u l-qtugħ fl-impjanti fiż-żewġ Power Stations; biex jittranġaw il-ħsarat; u biex ikunu studjati l-pjani ħalli jkunu evitati aktar ħsarat.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta spjega li l-provvista f’dawn il-partijiet kellha tingħata lura llum kmieni waranofsinhar. Madankollu, minħabba li għadu għaddej xogħol fil-post fejn seħħet l-isplużjoni, l-Enemalta kienet kostretta terġa’ titfi xi lokalitajiet għal xi ħin. Frederick Azzopardi qal li l-Gvern se jkun qed jinvesti fil-ġenerazzjoni u fid-distribuzzjoni tal-elettriku, b’ħidma li mistennija tibda s-sena d-dieħla. Il-Korporazzjoni se tkun qed tibni erba’ Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda fix-Xewkija Għawdex, f’St Andrews, f’Manoel Island u fil-Marsa.

Sadanittant, f’każ li jidher li mhux relatat ma’ dak li seħħ ilbieraħ filgħaxija, ħsara oħra li żviluppat dalgħodu f’cable f’Ħal Tarxien wasslet biex reġa’ kien hemm qtugħ fil-provvista tal-enerġija fiż-żona ta’ Raħal Ġdid u Ħal Tarxien, kif ukoll f’partijiet mill-Fgura.

Stqarrija mill-AD u l-MIA

Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li dak li ġara lbieraħ juri li minkejja r-retorika tal-Ministru Konrad Mizzi u tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-pajjiż għadu mhux ippreparat għal emerġenzi ta’ dan it-tip. Inkella, il-Gvern mhux qed ikun onest man-nies u mhux jispjega s-sitwazzjoni vera fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.

L-AD qalet li qed jirriżulta dejjem aktar li l-wegħda li l-Power Station il-ġdida tibda tiffunzjona fi żmien sentejn kienet biss gimmick. Il-Kelliem tal-AD Ralph Cassar għamel diversi mistoqsijiet, fosthom jekk il-programm ta’ manutenzjoni tal-Enemalta hux biżżejjed, jekk jeżistix pjan ta’ kontinġenza għal meta jkun hemm qtugħ estensiv u jekk jistax il-Gvern jispjega għaliex fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta m’hemmx jew ma ħadmux il-ġeneraturi tal-elettriku.

Min-naħa tagħha, il-kumpanija MIA kkonfermat fi stqarrija separata dak li żvelajna, jiġifieri li lbieraħ kellha problemi bil-generators ta’ emerġenza għal meta jmur id-dawl. Dan wassal biex xi titjiriet ġew devjati u l-ħidma fuq ir-runway kellha tiġi sospiża għal ħin qasir.

Aktar kmieni …

Il-qtugħ ta’ dawl li esperjenza pajjiżna lbieraħ filgħaxija kien ilu ftit mhux ħażin ma jiġri bħalu. Fl-eqqel tas-Sajf u bis-sħana li jġib miegħu Awwissu, esperjenzajna qtugħ ta’ dawl madwar il-pajjiż kollu għal sigħat twal, b’numru ta’ lokalitajiet saħansitra jqattgħu aktar minn 12-il siegħa bla dawl. Il-Korporazzjoni Enemalta qalet li qed tinvestiga x’wassal għal dan.

Il-provvista tal-elettriku telqet kullimkien għall-ħabta tat-7.50pm tal-bieraħ u sat-8am tal-lum kien għad hemm lokalitajiet, bħal Ħal Qormi, partijiet minn Ħaż-Żebbuġ u l-Marsa li kienu għadhom bla dawl. Jirriżulta li l-problema bdiet fil-Power Station ta’ Delimara, fejn għall-ħabta tat-7.45pm żviluppat ħsara f’wieħed mill-units tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għal xi raġuni, fl-istess ħin, seħħet splużjoni f’Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Enemalta, li jinsab fiż-Żona Industrijali tal-Marsa.

Għalkemm ħadd ma weġġa’ f’din l-isplużjoni, din ikkaġunat nirien u mill-post dehret tiela’ daħna kbira sewda. Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni sofra danni sostanzjali u n-nar dam kważi tliet sigħat biex jintefa’ minn ħaddiema tat-Tifi tan-Nar tal-Korporazzjoni stess u dawk tal-Protezzjoni Ċivili, bl-għajnuna tal-Pulizija. L-Enemalta ħabbret mill-ewwel li fetħet inkjesta interna u għaddejja wkoll investigazzjoni mill-Pulizija biex ikun stabbilit x’ġara eżatt.

F’ċerti lokalitajiet, id-dawl l-ewwel tbaxxa, inqata’ għal ftit sekondi u reġa’ ġie mill-ewwel qabel ma mar kullimkien fit-7.50pm. Wara ħidma tal-Inġiniera tal-Enemalta, il-provvista reġgħet bdiet ġejja lura ftit ftit f’numru ta’ postijiet madwar Malta, iżda l-pajjiż kollu reġa’ spiċċa fi black-out totali għall-habta tal-10.45pm meta, skont l-Enemalta, inqalgħet problema oħra waqt li l-pajjiż kien qed jinxtegħel lura ftit ftit.

F’diversi stqarrijiet li ħarġet, l-Enemalta qalet li sas-1.30am id-dawl kien ġie lura madwar il-pajjiż kollu ħlief f’lokalitajiet li jiddependu fuq iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni milqut fil-Marsa, fejn kienu għadhom għaddejjin ix-xogħolijiet tat-tiswija. Fost oħrajn, kien hemm partijiet minn Birżebbuġa, Kordin, il-Furjana, Ħal Farruġ u Ħal Luqa, il-Marsa, Ħal Qormi, is-Siġġiewi, Ħal Tarxien, il-Belt u Ħaż-Żebbuġ.

Għalkemm l-aħħar darba li nqata’ d-dawl fit-tul kien f’Jannar li għadda, kien ilu ma jkollna każ bħal dan fejn ċerti postijiet qattgħu aktar minn 12-il siegħa bla dawl. Dan wassal biex diversi persuni sofrew ħsarat fi djarhom, fosthom f’kompjuters, fridges, air conditioners u apparat ieħor, kemm għax għall-ewwel id-dawl batta umbagħad inqata’ għal kollox, kif ukoll għax dam ħafna ma ġie.

Diversi persuni bdew iċemplu l-Enemalta, inkuż fuq Freephone apposta iżda ma setgħu jaqbdu b’xejn, filwaqt li oħrajn saħanistra ċemplu l-Ministeru responsabbli mill-Enerġija iżda ma bdewx jingħataw risposti. Minbarra l-interruzzjonijiet tas-soltu fis-servizz tat-telefonija fissa u anke dik ċellulari, u anke qtugħ fis-servizz tal-internet, xi ħaġa bħal din tħalli effett fuq il-pajjiż kollu minn diversi aspetti.

Saħanistra, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien kostrett jikkanċella t-titjiriet, bi stqarrija tal-MIA tgħid li minħabba l-qtugħ tad-dawl u diffikultajiet tekniċi li dan ġab miegħu, l-Ajruport kellu jwaqqaf l-attività kollha bħala prekawzjoni ta’ sigurtà minħabba li r-runway kellha tingħalaq. Dan wassal biex erba’ titjiriet li kienu skedati jinżlu Malta, kellhom jiġu ddevjati lejn l-Ajruport ta’ Katanja.

It-titjiriet milquta kienu ta’ Vueling minn Barċelona, tal-linja tal-ajru tan-Norveġja minn Kopenħagen, tal-Air Malta minn Glasgow u ta’ Ryanair minn Bari. B’xorti tajba, ma kienux rappurtati inċidenti serji tat-traffiku, hekk kif it-toroq kienu dlam ċappa, bit-traffic lights madwar il-pajjiż mitfija. L-Isptar ukoll spiċċa bla dawl, iżda wara ftit minuti qaleb għal fuq il-generators.

Milquta wkoll il-Festi ta’ Santa Marija li qed jiġu ċċelebrati din il-ġimgħa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Kemm il-Festi ta’ Ġewwa, fejn fil-Knejjes kien għaddej it-Tridu, kif ukoll dawk ta’ barra kellhom jitħassru. Fost il-lokalitajiet milquta kien hemm il-Mosta, Ħal Għaxaq, l-Imqabba, il-Gudja u l-Qrendi.

Il-kommemorazzjoni tal-Konvoj ta’ Santa Marija, li kienet għaddejja fil-Port il-Kbir kompliet minkejja d-dalma, b’uħud jikkummentaw b’mod sarkastiku li s-sitwazzjoni daħħlithom fl-atmosfera ta’ dak li ġara verament fl-1942. Anke l-isport intlaqat ħażin, hekk kif il-finali tant mistennija tal-BOV Knock-out tal-Ewwel Diviżjoni tal-waterpolo kellha tiġi abbandunata fuq deċiżjoni tal-President tal-ASA Joe Caruana Curran wara li d-dawl mar wara biss żewġ sekondi mill-ftuħ tat-tieni sessjoni.

Għandek xi ritratti dwar dak li ġara lbieraħ filgħaxija? Ibgħathomna email fuq editor@maltarightnow.com