Raġel, ta’ 49 sena mill-Belt, inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li fl-2009 stupra tifla ta’ tmien snin. Emanuel Schembri wieġeb mhux ħati tal-akkuża u anke li kkorrompa lit-tifla, li pparteċipa magħha f’attivitajiet sesswali u li kiser il-pudur tagħha b’atti vjolenti indiċenti.
L-Ispettur Sylvana Briffa, li ressqet lil Schembri, qalet li l-akkużat kien f’relazzjoni ma’ omm it-tifla u li l-allegat stupru seħħ meta t-tifla kienet taħt il-kustodja tiegħu, filwaqt li ommha kienet qed tipprostitwixxi lilha nnifisha. L-akkużat, li għandu żewġ każijiet oħrajn pendenti dwar abbuż sesswali u li wkoll fihom huma nvoluti minuri, kien mixli wkoll li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar reċidiv.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Yana Micallef Stafrace għamlet talba għal-libertà proviżorja u li jkun hemm divjet fuq isem l-akkużat minħabba li hu jinsab imbeżża’ mill-familjari tat-tifla. Min-naħa tagħha, l-Ispettur Briffa opponiet bil-qawwa kollha t-talba għal-libertà proviżorja u li ma hemm l-ebda konnessjoni bejn it-tifla u l-akkużat. Qalet ukoll li r-relazzjoni mal-omm intemmet sena ilu.
//= $special ?>

