Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien mal-Kummissarju Anthony Agius Decelis responsabbli mis-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-burokrazija żaru diversi entitatijiet Għawdxin bħala parti mill-istudju li qed isir dwar il-burokrazija żejda. Il-Kummissarju Anthony Agius Decelis fakkar li l-Gvern huwa marbut ma’ wegħda elettorali li jnaqqas il-burokrazija żejda b’ 25%. Anthony Agius Decelis saħaq li biex dan issir ġiet mnedija kampanja ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin. Agius Decelis żied jgħid li burokrazija żejda hija ħamrija fertili għal korruzzjoni filwaqt li saħaq li l-gvern ma jaqbilx mal-korruzzjoni.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Refalo saħaq dwar l-importanza li din il-problema tiġi indirizzata għaliex il-kwalità ta’ qafas regolatorju Malti huwa wieħed mill-fatturi li jaffetwaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Qal li jemmen li l-burokrazija xxekkel ix-xogħol, tnaffar l-investiment u żżid l-ineffiċjenza f’fażijiet varji tal-iżvilupp tal-pajjiż. Refalo tkellem dwar il-ħidma sabiex f’Għawdex jinfetaħ one stop shop minn fejn ic-ċittadin jinqeda fih, jingħata gwida u direzzjoni u juża s-servizzi li għandu bżonn.
Agius Decelis ħabbar li lejn l-aħħar ta’ din is-sena se jiġi ppreżentat rapport fejn fih se jiġu identifikati l-proċeduri eżistenti burokratiċi u pproponut pjan ta’ simplifikazzjoni, kif ukoll tħabbar li se ssir Round Table Conference f’Għawdex fl-4 ta’ Settembru.
//= $special ?>