Editorjal

Editorjal: Santa Marija

F’dal-jiem, is-sajf Malti jilħaq il-quċċata tiegħu fil-festa ta’ Santa Marija. Din il-festa toħroġ is-sabiħ li jġib miegħu dan l-istaġun tal-vaganzi, tas-safar, tal-mistrieħ, tad-divertiment, tal-festi – ta’ ħafna minn dak li jagħmel il-ħajja f’pajjiżna sabiħa .

Turiżmu…
Malta bħalissa mimlija b’għexieren ta’ eluf ta’ turisti li j żuruna fl-aqwa tal-vaganzi – ammonti li għaddejjin tajjeb grazzi għall-ispinta kbira tal-aħħar ftit snin li matulhom, flok sofrejna bħal pajjiżi oħrajn f’riċessjoni kbira, gawdejna mill-inizjattivi bil-għaqal favur it-turiżmu fosthom bil-linji low-cost .

…u vvjaġġar
Fl-istess waqt, ħafna Maltin isiefru u jgawdu wkoll mill-inizjattivi tal-aħħar snin li ma jgawduhomx it-turisti biss imma kulħadd . Jekk ma jsifrux, ħafna oħrajn iżuru Għawdex għal l- quċċata tat- turiżmu intern. Għawdex illum igawdi mill-investiment li sar fih tul is-snin biex ħaffef l-ivvjaġġar u ħareġ il-ġmiel partikolari tiegħu.

Ħdax-il parroċċa ddedikati lil Santa Marija
Ħafna wkoll igawdu l-festi f’din il-festa l i tlaqqa’ l-akbar ammont ta’ parroċċi f’festa waħda. Illum hawn xejn anqas minn ħdax-il parroċċa madwar Malta u Għawdex iddedikati lil Santa Marija. Seba’ jagħmlu l-festa għada, tlieta oħra jħallu għal Ħadd ieħor, u żdiedet ma’ dawn il-parroċċa l-ġdida tal-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara.

Festa tar-raba u l-biedja
Il-festa ta’ Santa Marija hi marbuta mar-raba u l-biedja. Fil-wiċċ tar-raba bħalissa jkun hemm ftit li xejn u fil-fatt il-qbiela tradizzjonalment jitħallas f’Santa Marija. Fi rħula fejn il-biedja kienet qawwija, Santa Marija dejjem fissret waqfa mix-xogħol tar-raba għall-mistrieħ u t-tgawdija tal-frott u wkoll waqfa ta’ festa b’dak kollu li jagħmel festa Maltija, mil-logħob tal-nar u l-baned għall-armar u t-tiżjin.

Isem lill-bidla tal-kors tat-tieni gwerra
Din il-festa tat isimha wkoll lill-Konvoj li bih Malta setgħet tibqa’ tikkumbatti fl-agħar tat-Tieni Gwerra Dinjija; Konvoj li għen biex il-kors tal-gwerra fil-Mediterran u fl-Afrika ta’ Fuq inbidel ħalli l-Ewropa ħarġet mill-agħar perjodu fl-istorja tagħha.

L-attrazzjonijiet ta’ pajjiżna
F’din il-festa tal-quċċata tas-sajf, mela, nagħmlu x’nagħmlu, jekk hux nivvjaġaw, ingawdu festa tagħna jew ta’ xi raħal ieħor, jew nieħdu ġranet ta’ mistrieħ, tajjeb i ngawduha kif jixraq f’riflessjoni wkoll ta’ dak li jagħmel lil pajjiżna tant sabiħ għalina u għal min iżurna, f’dak li hu tradizzjonali u f’dak li hu ġdid, mill-wirt li ngawdu, sal-biedja u l-frott ta’ daż-żmien, sal-festi li jlaqqgħu tant influwenzi qodma u ġodda biex minnhom isawru attrazzjoni Maltija.