Futbol Sport

Ibrahimovic se jirtira fl-2016

L-attakkant Żvediż Ibrahimovic illum żvela li se jirtira fl-2016. Tul dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm spekulazzjonijiet li dan se jingħaqad ma’ Juventus imma f’kummenti li ta l-attakkant ta’ PSG mhux biss ċaħad dan imma qal li fi żmien sentejn, meta jkollu 34 sena se jirtira.

 
“Għandi kuntratt ma’ PSG sal-2016 u se nibqa’ nilgħab sakemm jiskadi. Nemmen li sa dakinhar ma nkunx għadni niflaħ nilgħab fl-ogħla livell, logħba kull tlett ijiem. Jekk inkun għadni qed inħossni tajjeb fiżikament nibqa’ nilgħab imma għandi d-dubji tiegħi,” qal Ibrahimovic.

 
Intant, Ibrahimovic kemm-il darba jkun fl-aħbarijiet minħabba xi gowl li jkun skurja jew inkella minħabba l-imġieba kontroversjali li hu magħruf għaliha. Madankollu din id-darba kien fl-aħbarijiet għal ġest nobbli li għamel mat-tim nazzjonali Żvediż ta’ tfal b’diżabilita`.

 
Dan it-tim ma kellux flus biżżejjed biex imur il-Brażil u jieħu sehem f’kompetizzjoni tal-INAS. L-assistent kowċ tat-tim Stean Jonsson talab lil Ibrahimovic biex jagħtih flokk biex jinbiegħ bħala irkant biex b’hekk jinġabru kemm jista’ jkun flus. Plejers oħra tat-tim nazzjonali bħal ma huma Johan Elmander, Andreas Isaksson u Kim Källstrom kienu diġa’ taw il-flokkijiet tagħhom imma Ibrahimovic, minflok għamel hekk, qabad u ħallas is-somma kollha tal-vjaġġi u l-akkomodazzjoni.

 
L-istess Ibrahimovic stqarr li PSG huma kapaċi jirbħu ċ-Champions League. Għal dawn l-aħħar sentejn PSG rebħu l-kampjonat domestiku imma dejjem sfaw eliminati mill-kwarti tal-finali taċ-Champions League. “Din is-sena nemmen li kapaċi nirbħuha. F’turnaments bħal ma hi ċ-Champions League trid tkun kemmxejn fortunat ukoll. Il-plejers għandhom aktar esperjenza u wieħed ma jridx jinsa li ċ-Champions League mhux dejjem jirbaħha l-aqwa tim,” qal Ibrahimovic.