It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU tinsab f’tilwima industrijali mal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) wara li l-Awtorità naqset li tagħti risposta dwar ir-rikonoxximent trejdunjonistiku.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li tgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-ħaddiema fl-MCCAA, speċjalment fil-gradi professjonali u tekniċi. Għaldaqstant, f’Mejju li għadda talbet lill-MCCAA għal għarfien trejdunjonistiku.
Madankollu, kompliet tispjega l-istqarrija, s’issa l-GWU għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba. Din mhix sitwazzjoni ideali, qalet il-GWU, li entita taħt id-Dekasteru tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali ma jkollhiex għarfien trejdunjonistiku. Din il-kwistjoni qed toħloq sens ta’ inċertezza u ansjetà fost il-ħaddiema.
Il-GWU talbet l-intervent tal-Ministru Helena Dalli f’din il-kwistjoni.
//= $special ?>