Il-Papa Franġisku beda l-ewwel żjara tiegħu fl-Ażja bħala l-Kap tal-Knisja Kattolika, billi llum wasal fil-Korea ta’ Isfel. Matul din iż-żjara, is-Sibt il-Papa se jibbeatifika 124 Korean Kattoliku li nqatlu fis-sekli 18 u 19 minħabba t-twemmin tagħhom, kif ukoll mistenni jattendi festival taż-żgħażagħ li se jsir f’dawn il-jiem. Il-Knisja Kattolika fil-Korea ta’ Isfel qed tkompli tikber u issa tlaħħaq aktar minn 5.4 miljun, jiġifieri madwar 10.4% tal-popolazzjoni.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika ntlaqa’ mill-President Park Geun-hye, filwaqt li l-ebda rappreżentanza tal-Korea ta’ Fuq ma kienet preżenti. Fl-istess ħinijiet li l-Papa kien mistenni jasal, il-Korea ta’ Fuq sparat mill-anqas tliet rockets lejn il-kosta tal-lvant. Skont il-Gvern ta’ Pyongyang, dawn il-missili u attakki oħrajn simili qed isiru biex iwieġbu għall-provokazzjonijiet mill-azzjonijiet militari tal-Istati Uniti u tal-Korea ta’ Isfel. F’dan il-każ, jidher li l-intenzjoni hi biex twaqqaf l-azzjoni militari li mistennija tibda t-Tnejn li ġej.
Sadanittant, fi triqtu lejn il-Korea ta’ Isfel, il-Papa Franġisku bagħat telegramma lit-tmexxija tal-Gvern Ċiniż waqt li kien qed itir minn fuq il-pajjiż. Din hi tradizzjoni għall-Kap tal-Knisja Kattolika meta jkun qed itir minn fuq xi pajjiż fi triqtu lejn pajjiż ieħor. Fit-telegramma lill-Gvern Ċiniż, il-Papa sellem lill-Gvern u l-poplu Ċiniż, filwaqt li bagħat il-barka tiegħu u awguralhom il-ġid.
Ir-relazzjoni bejn il-Vatikan u ċ-Ċina hi ħażina ħafna minħabba Beijing ma jirrikonoxxix l-awtorità tas-Santa Sede u ffurmat Knisja Kattolika għaliha. L-aħħar darba li Papa żar ir-reġjun kellu jevita li jtir minn fuq iċ-Ċina, madankollu din id-darba ngħata permess. Kelliem għas-Santa Sede ddeskriva “sinjal li jnaqqas l-ostilità” bejn iż-żewġ naħat.
//= $special ?>

