Internazzjonali

It-tifla ta’ Robin Williams suġġetta għall-bullying

It-tifla tal-mibki attur, Robin Williams, m’għadhiex tikkomunika fuq Twitter u Instagram wara li numru ta’ persuni attakkawha online bl-insulti u l-kliem dispreġjattiv dwar is-suwiċidju ta’ missierha.
Zelda Williams, li għandha 25 sena, qalet li hi ‘spiċċat tirtogħod’ wara li xi ħadd bagħtilha ritratt meħud ġo kamra mortwarja u li ingħad li kien qed juri ‘l-katavru ta’ missierha’. Fil-verita, dan ir-ritratt kien ta’ raġel ieħor li kien miet xi snin ilu u li kien jixbaħ xi ftit lill-attur famuż.
L-abbonaturi ta’ Twitter li bagħtu r-ritratti lil Zelda Williams u abbużawha verbalment issa spiċċaw sospiżi minn dan is-sit popolari għal social networking.
Zelda Williams anki indikat li hi spiċċat suġġetta għal kritika ‘krudili u mhix neċessarja’ minħabba n-numru żgħir tar-ritratti ta’ missierha li hi kienet bagħtet online. Hi spjegat li l-mumenti privati li hi qattgħet ma’ missierha kienu prezzjużi u li huma ‘ma kenux jilgħabu għall-gallarija bil-ġbid tar-ritratti frivoli jew b’li jibgħatu xi ‘stessu’ fuq l-Internet’.
Din il-mara, llum, ma tafx kif se tirreaġġixxi għall-mewta traġika ta’ missierha u ma tistax tifhem għalfejn hu seta’ jiddeċiedi li jneħħi ħajtu.
Sadanittant, ħabib ta’ Robin Williams żvela li l-attur Amerikan, li instab mgħallaq fid-dar tiegħu qrib San Francisco, kien iddeċieda kontra qalbu li jkun il-protagonista ta’ film ġdid li kellu jkun sequel għal ‘Mrs Doubtfire’ wieħed mill-aktar films famużi ta’ Williams u li kien mar tajjeb ħafna fil-box office. Intant, Robin Williams, kien ħass li ma kellux għażla, fiċ-ċirkostanzi, għaliex hu kellu bżonn il-flus.