Wara li l-pajjiż għadu kif għadda minn esperjenza ta’ sigħat twal bla dawl, l-Enemalta qed tavża li fil-ġranet li ġejjin tista’ terġa’ tinqata’ l-provvista tal-elettriku biex tkun tista’ tagħmel xogħlijiet fuq iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni.
Fi stqarrija l-Enemalta qalet li bħalissa qed taħdem biex tipprovdi konnessjonijiet alternattivi għall-inħawi ta’ madwar iċ-ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Marsa u tiżgura s-sigurta tal-provvista lill-klijenti f’dan ir-reġjun.
L-Enemalta spjegat li l-inħawi li kienu mqabbda mal-cables u l-apparat li sofrew ħsarat bin-nirien ta’ nhar it-Tlieta kellhom jiġu mogħtija l-provvista b’mod temporanju permezz ta’ konnessjonijiet oħrajn. Dan biex il-klijenti f’dawn l-inħawi jerġa’ jkollhom il-provvvista fl-inqas ħin possibbli. Madankollu dan l-intervent ta’ emerġenza qed iżid il-pressjoni fuq partijiet oħra tal-grid fl-istess reġjun.
L-Enemalta sostniet li l-ħsarat estensivi f’dan ic-centru effettwaw uħud mill-modi alternattivi ta’ kif l-elettriku jitwassal għand il-klijenti f’dawn l-inħawi. Għalhekk l-Enemalta qed taħdem biex ikollha konnessjonijet alternattivi oħra biex tkun f’qagħda aħjar li tilqa’ għal ħsarat oħra li jistgħu jinqalgħu mingħajr ma teffettwa l-provvista.
Sadattant il-Ministru għat-Turizmu li huwa wkoll responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili sejjaħ laqgħa urġenti dwar dak li seħħ it-Tlieta fejn numru ta’ titjiriet li ma waslux jew ma telqux fil-hin mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minħabba l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Din kienet l-ewwel darba li ġara inċident bħal dan fl-ajruport. Għal din il-laqgħa ġew imsejħa rapprezentanti mill-Malta Air Traffic Services, tal- Malta International Airport u r-Regolatur tal-Avjazzjoni Ċivili biex tkun diskussa din is-sitwazzjoni fid-dettal.
Il-Ministru talab għal rapport tekniku minn kull parti li għandu jiġi ppreżentat lir-Regolatur tal-Avjazzjoni Ċivili immedjatament u li għandu wkoll jinkludi rimedji biex iservi biex sitwazzjoni bħal ta’ nhar it-Tlieta ma terġax tirrepeti ruħha.
//= $special ?>