Mara ta’ 26 sena miż-Żurrieq u li toqgħod f’karozza ġiet ikkundannata 28 xahar ħabs wara li, filwaqt li kienet instabet ħatja ta’ erba’ serqiet din is-sena, injorat ordni ta’ probation. Fl-aħħar każ li kellha, Sandra Grixti nstabet ħatja li l-Erbgħa, 6 ta’ Awwissu serqet numru ta’ nuċċalijiet tax-xemx u luminata minn karozza fl-Imsida.
Waqt il-proċeduri rriżulta li l-mara għandha problema ta’ droga. Meta ġie biex jikkundanna lill-mara, il-Maġistrat Aaron Bugeja nnota li filwaqt li ammettiet l-akkużi, ma kkoperat xejn mal-Pulizija. Qal ukoll li l-fatt tal-każ u l-apparenza tal-mara jindikaw li din għandha bżonn l-għajnuna. Madankollu, qal li ma setax jinjora l-fatt li din is-sena hi nstabet ħatja tliet darbiet oħrajn fuq każijiet ta’ serq. Hi kienet tpoġġet taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin u ngħatat l-opporunità li tirrifiorma, iżda ma ħadithiex.
Jirriżulta li Grixti lanqas biss iltaqgħet mal-Uffiċjal tal-Probation tagħha, bil-Qorti tgħid li d-dover tagħha hu li tipproteġi s-soċjetà, filwaqt li tgħin kif tista’ lil Grixti. Hi nstabet ħatja li kisret il-kundizzjonijiet tal-Qorti u minbarra 28 xahar ħabs, tpoġġiet taħt ordni ta’ trattament biex tissupera l-problemi psikoloġiċi tagħha u l-problema akuta ta’ droga li għandha, fejn f’xi drabi anke spiċċat torqod fl-Awla.
Id-Direttur tal-Ħabs kien mitlub mill-Qorti biex Grixti tiġi pprovduta bil-faċilitajiet neċessarji ħalli t-trattament li tieħu jkun wieħed ta’ suċċess.
//= $special ?>
