Qorti

Mixli li attakka u fera Surġent u li hedded tliet Pulizija oħra

Żagħżugħ, ta’ 17-il sena minn San Pawl il-Baħar u li jaħdem fil-kostruzzjoni u anke dish washer, kien mixli quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli li matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tat-3am, attakka lis-Surġent Chris Debono u hedded lil tliet Kuntistabbli oħra waqt ġlieda f’Paceville.

Iż-żagħżugħ ġie mixli li fera ħafif lis-Surġent Debono fil-ħin li kien qed jaqdi dmiru u li għamel hekk biex ma jħallihx jagħmel dan. Kien mixli wkoll li bit-theddid ma ħalliex membri tal-Korp tal-Pulizija mill jaqdu l-funzjoni tagħhom u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Għall-akkużat deher l-Avukat Lucio Sciriha, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Taliana. Mill-provi ħareġ ukoll li l-ewwel kellu xi jgħid ma’ xi bouncers, li min-naħa tagħhom ħaduh ħdejn il-vann tal-Pulizija. Wara li tħalla f’idejn il-Pulizija, dan qabad jiġġieled magħhom.

Hu ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €2,000.