Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici baqa’ jiddedendi l-aġir tal-Gvern li kaxkar saqajh meta l-Parlament ma ddiskutiex il-Mozzjoni ta’ Tneħħija tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco qabel ma aġġorna għall-vaganzi tas-Sajf. Dak kien l-aħħar ċans qabel ma aktar tard dan ix-xahar, l-Imħallef Farrugia Sacco jirtira bl-età. F’intervista mal-ġurnal The Times, il-Ministru Owen Bonnici qal li, filwaqt li jaqbel li l-proċess ta’ dixxiplina fil-konfront tal-ġudikatura għandu jitħaffef, dan m’għandux isir a spejjeż tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
F’Ġunju li għadda, il-Qorti ddikjarat li d-drittijiet fundamentali tal-Imħallef Farrugia Sacco ma nkisrux mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, bl-Imħallef Farrugia Sacco jappella mis-sentenza fl-aħħar ġurnata possibbli. Owen Bonnici ċaħad ukoll li l-Gvern qed jiddefendi lil Farrugia Sacco għal raġunijiet politiċi. Iben l-Imħallef, David Farrugia Sacco, kien kandidat Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-Konsulent ewlieni tal-Gvern dwar ir-Riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja, l-Imħallef Giovanni Bonello, kien ikkummenta li d-deċiżjoni li jitwaqqaf il-proċess ta’ Impeachment kompliet saħħet il-fehma tal-pubbliku li membri tal-Ġudikatura ma jwieġbu lejn ħadd għal għemilhom. L-Imħallef Emeritus Bonello qal ukoll li l-Kostituzzjoni ma tgħidx li l-Parlament għandu jistenna biex ikunu eżawriti l-proċessi legali fil-Qrati qabel ma jiddiskuti l-Mozzjoni ta’ Tneħħija.
L-Imħallef Farrugia Sacco kien irrifjuta li jirriżenja mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) minħabba ksur tal-Kodiċi ta’ Etika. Fl-2012, feġġew filmati tal-Imħallef Farrugia Sacco jiltaqa’ ma’ ġurnalist li kien qed jippoża ta’ xerrej ta’ biljetti biex jixtri l-allokazzjoni Maltija ta’ biljetti għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa f’Sochi. L-Imħallfin jinħatru b’deċiżjoni tal-Gvern tal-ġurnata u jistgħu jitneħħew biss mill-Parlament b’maġġoranza Parlamentari ta’ żewġ terzi. Ebda tentattiv ta’ impeachment ma rnexxa fil-50 sena li Malta ilha bil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.
//= $special ?>