Qorti

Paġni mid-djarju ta’ Lisa Marie kienu mimlijin bid-demm

Diversi paġni mid-djarju ta’ Lisa Marie Zahra kienu mimlijin bid-demm. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Kuntistabbli tal-Pulizija Patrick Farrugia, li fuq ordni tal-Qorti u tas-Superjuri tiegħu mar jagmel spezzjoni fil-kamra tal-vittma, hekk kif din kienet ġiet irrappurtata nieqsa. Il-Kuntistabbli Farrugia kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-għalliem Erin Tanti, li qed jiġi mixli bil-qtil tal-istudenta tiegħu tad-drama Lisa Marie Zahra. Fost akkużi oħrajn, hu qed jiġi mixli wkoll li assista lil Zahra, ta’ 15-il sena, biex tikkommetti suwiċidju.

Il-Kunstistabbli Farrugia qal li bħala parti mill-Inkjesta Maġisterjali fl-20 ta’ Marzu kien imqabbad jeżamina l-kamra tas-sodda ta’ Lisa Marie minħabba li din kienet ġiet rappurtata nieqsa. Qal li meta mar id-dar tagħha, fin-Naxxar, kien hemm ukoll preżenti membri tal-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzju, li kienu qed jagħmlu tfittxija. Tenna li kien ġie eżaminat xi demm li kien fuq is-sodda u qlejba bajda. Fil-kamra ġiet elevata wkoll xagħra. Spjega li kienu eżaminati xi sigaretti u oġġetti oħrajn, li kien għaddihom lill-Esperta tal-Qorti Marisa Cassar.

Il-Kuntistabbli kompla jgħid li kien reġa’ mar fil-post, fejn hemm kien hemm missierha Tony, u kienu elevati xi oġġetti oħrajn bħal investi, quilt, żewġ lożor bojod, qalziet ta’ taħt, kalzetti u xi ħwejjeġ oħra. Qal li ħa ritratti tal-kamra tas-sodda tal-vittma u li dawn kollha kienu mgħoddija wkoll lill-Esperta tal-Qorti.

Waqt il-kontro-eżami, qal li hu ma eleva l-ebda teddy bear u li jista’ jkun li dan kien hemm iżda ma jiftakarx. Qal li l-inkarigu tiegħu kien biss li jeleva affarijiet relatati mad-DNA minħabba li t-tfajla kienet rappurtata nieqsa. Qal li ħadd ma ndikalu xejn u eleva dak li ħaseb li kien relevanti.

Sadanittant, l-ewwel xhud kienet l-Avukat Juliana Scerri Ferrante, nominata mill-Maġistrat tal-għassa Marsanne Farrugia, li għamlet rapport biex teżamina l-ittri tal-akkużat u l-vittma.

Wara xehed Emmanuel Psaila, fire fighter mal-Protezzjoni Ċivili. Qal li flimkien mal-kollega tiegħu Stephen Camilleri, għall-ħabta tal-11.30am, kienu bagħtu għalihom il-Pulizija biex jiftħulhom appartament fil-Belt. Il-bieb tal-gallerija kien magħluq. Tela’ Camilleri ma’ Pulizija u bi skalpell fetħu biex daħlu fir-residenza fejn kien joqgħod l-akkużat.

Xehed ukoll il-kollega tiegħu Stephen Camilleri, li qal li kien daħal fl-appartament u kien assista lill-Pulizija fl-operazzjoni. Qal li kien fetaħ il-bieb ta’ barra biex jidħlu l-kumplament tal-Pulizija u li meta daħlu l-Pulizija ma sabux nies fl-appartament.

Wara xehed Silvan Portelli, li wkoll jaħdem mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u hu stazzjonat fil-Fire Station ta’ Ħal Far. Qal li fid-19 ta’ Marzu kienet daħlet telefonata f’Ħal Far li seħħ inċident fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u li ra ħelikopter idur. Kien ittella’ raġel, iżda li fl-awla ma kien qed jagħrfu x’aktarx għax kellu l-leħja. Qal li dan beda jgħidilhom li kien muġugħ f’ġenbu. Dwar il-persuna l-oħra li ttellgħet, qal li kien preżenti wkoll u li din kienet bla ħajja.

Xehed ukoll Claudio Spiteri, Kurunell fil-Forzi Armati ta’ Malta, li esebixxa żewġ DVDs b’filmati li ttieħdu mill-ħelikopter tal-FAM biex jinżammu rekords ta’ dak kollu li jkun qed jiġri.

Xehed ukoll is-Surġent Emmanuel Dalli, li qal li fid-19 ta’ Marzu kien maħtur mill-Maġistrat inkwerenti biex jiġbed ritratti fir-residenza tal-vittma.

Tanti kien tressaq il-Qorti b’diversi akkużi, mill-Ispetturi Keith Arnaud, Sylvana Briffa u Josric Mifsud, u qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih, bl-aktar waħda gravi tkun li qatel waħda mit-tfal li hu kien jgħallem. Qed jiġi mixli b’sitt akkużi fejn, minbarra qtil involontarju qed jiġi mixli wkoll li bejn it-18 u d-19 ta’ Marzu li għadda ġiegħel lil Lisa Marie Zahra toqtol ruħha b’idejha u li matul il-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel b’għemil żieni, ikkorrompiha.

Tanti qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mat-tfajla, li kienet studenta tiegħu, meta din hi taħt l-età u abbuża minnha meta kellu pożizzjoni ta’ fiduċja jew ta’ awtorità. Qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu materjal indiċenti meta kellu l-kontroll jew il-kustodja ta’ tfajla taħt l-età. Qed jiġi akkużat ukoll li hu kellu dan il-materjal meta kellu f’idejh ir-responsabbilità li jeduka u jieħu ħsieb il-kura tat-tfajla.

L-Avukati Michael u Lucio Sciriha qed jidhru għal Tanti, filwaqt li bħala parti ċivili għan-nom tal-qraba tal-vittma hemm l-Avukat Joe Giglio, Giannella de Marco, Stephen Tonna Lowell u Reuben Farrugia. Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fil-25 ta’ Settembru li ġej.