L-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal li jattendu fl-Iskejjel tal-Knisja ġabret aktar minn 2,000 firma ta’ ġenituri biex jitneħħa l-Avviż Legali 76 (AL76). Dan jagħti setgħat lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jiġbor informazzjoni personali mill-istudenti. Il-petizzjoni kienet ippreżentata dalgħodu lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li hi nkwetata bl-implikazzjonijiet li l-AL76 jista’ jkollu. B’konsegwenza tal-AL76, id-data personali tal-istudenti tista’ tiġi trasferita, ipproċessata u miżmuma mingħajr ma l-ġenituri jiġu nfurmati u mingħajr il-kunsens espliċitu tagħhom.
L-Assoċjazzjoni qed tisħaq li l-AL76 jipprevali fuq is-setgħa tal-ġenituri, filwaqt li esprimiet it-tama li l-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jagħti kunsiderazzjoni xierqa għal dan it-tħassib tal-ġenituri.
//= $special ?>