Lokali

Aġġornata: Żagħżugħ mixli b’pusses ta’ 30g kokaina, mhux għall-użu esklussiv tiegħu

Renald Attard, ta’ 29 sena minn Ħal Luqa, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli li lbieraħ u fis-sena ta’ qabel kellu fil-pusses tiegħu 30g kokaina f’ċirkostanzi li juru li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Attard, li tressaq mill-Ispettur Herman Mula, ġie mixli b’pussess ta’ kokaina u 2g ħaxixa meħuda mill-pjanta tal-kannabis. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kienet ilha ssegwi l-passi tal-akkużat u marret tagħmel tfittxija fir-residenza tiegħu, fejn sabet oġġetti relatati mad-droga, fosthom miżien u boroż.

L-Ispettur Mula qal li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, iżda f’dan l-istadju ma jidhirx li għandu jingħata l-libertà proviżorja minħabba l-gravità tar-reat u l-fatt li, minkejja li mhux reċidiv, fil-passat kellu xi każijiet fil-Qorti.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Stephen Tonna Lowell qal li l-Qorti trid toqgħod fuq il-kondotta ta’ Attard, li mhix xi waħda ta’ barra minn hawn. Qal li x-xhieda huma biss Pulizija u li l-propjetà u kull rabta li għandu hi ma’ Malta. Għalhekk, mhemmx biża’ li dan jista’ jaħrab minn Malta. Qal ukoll li 30g tista’ tkun faċilment għall-użu personali.

Il-Maġistrat Demicoli laqgħet it-talba tad-Difiża u ħarġet lil Attard fuq pleġġ ta’ €500 bħala depożitu u €2,000 bħala garanzija, li jrid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa u jidħol id-dar sal-10pm, filwaqt li ma joħroġ qabel is-6am.

Aktar kmieni …

Żagħżugħ mistenni jitressaq il-Qorti akkużat bi traffikar ta’ droga

12.18pm: Il-Pulizija llum mistennija tressaq il-Qorti żagħżugħ ta’ 29 sena minn Ħal Luqa. Dan kien arrestat mill-Pulizija lbieraħ wara li nstab li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Fi stqarrija l-Pulizija qalu li d-droga kienet imqassma f’boroż biex tiġi traffikata.

Mhux magħruf fejn kien iż-żagħżugħ meta saret is-sejba, iżda hu mifhum li l-Pulizija kienet ilha ssegwi liż-żagħżugħ sakemm qabditu fil-fatt. Il-Maġistrat tal-għassa kien infurmat bil-każ u ħatar diversi esperti biex jassistu fl-inkjesta.