Wara plejers bħal ma huma Xavi, Nasri, Gerrard u Drogba, issa kien imiss lill-winger Franċiż Franck Ribery u lid-difensur Eric Abidal li ħabbru li mhux se jilgħabu aktar mat-tim nazzjonali.
Ribery ma ħax sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-Brażil meta weġġa’ jiem qabel ma bdiet waqt sessjoni ta’ taħriġ. Ribery lagħab għal aktar minn 80 darba ma’ Franza u skurja 16-il gowl.
F’kummenti li ta Ribery qal li se jirtira minn mat-tim nazzjonali biex jiffoka fuq il-klabb tiegħu Bayern Munich u fuq il-familja u fl-istess ħin jagħti spazju lil dawk iżgħar minnu biex jilagħbu mat-tim nazzjonali.
“Hu importanti li wieħed irid ikun jaf meta jieqaf u nemmen li dan il-mument wasal għalija. Kien hemm mumenti negattivi u kien hemm mumenti pożittivi u nemmen li t-tnejn li huma għenuni nkun plejer aħjar,” qal Ribery.
Intant, plejer ieħor li irtira minn man-nazzjonal il-bieraħ kien Eric Abidal. Dan is-sajf Abidal ħalla lil Monaco u ingħaqad mal-klabb Grieg ta’ Olympiacos. Abidal, li kien ilu 10 snin jilgħab ma’ Franza tħalla barra mit-tim li ikkompeta fit-Tazza tad-Dinja. Abidal, li għandu 34 sena kien operat fil-fwied fl-2012 wara li instablu tumur. Abidal għamel żmien twil jilgħab ma’ Barcelona u magħhom rebaħ diversi unuri fosthom iċ-Champions League. F’kummenti li ta Abidal qal li iddispjaċih li ma temmx il-karriera tiegħu ma’ Franza bis-sehem tiegħu fit-Tazza tad-Dinja. Ma’ Franza Abidal lagħab total ta’ 67 logħba.
//= $special ?>

