Lokali

Żewġ Uffiċjali tal-ALE trasferiti għall-Għases

Żewġ Uffiċjali tal-Administrative Law Enforcement (ALE) fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, illum waranofsinhar ġew infurmati li se jiġu trasferiti għal sezzjoni oħra tal-Korp. Dawn l-Uffiċjali kienu ilhom jaqdu dmirhom f’din is-sezzjoni għal numru twil ta’ snin u minflok issa ntbagħtu jaħdmu f’Għases differenti f’Malta.

It-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ. Tispikka l-mewġa ta’ transfers li kienu saru f’Mejju li għadda, jiem biss qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, meta kienu ġew trasferiti madwar 100 Uffiċjal fi tlett’ijiem. Issa, minkejja li kien hemm bidla fit-tmexxija tal-Korp, dawn l-aħħar trasferimenti juru li xorta għadu jsir dan iċ-ċaqlieq fuq bażi regolari fil-Korp tal-Pulizija.