Internazzjonali Lokali

Aktar minn 1,000 ħaddiem evakwati mil-Libja jaslu Malta

Għal darb’ oħra fi żmien tliet snin Malta qed isservi bħala pajjiż li qed jilqa’ mijiet kbar ta’ ħaddiema barranin li qed ikunu evakwati mill-Libja minħabba l-ġlied li hemm bejn gruppi armati differenti. Il-gurnata tal-bieraħ, Festa ta’ Santa Maltija kienet waħda movimentata hekk kif aktar minn 1,000 ħaddiem fosthom Filippini, Indjani, Spanjoli u anke madwar ħames Maltin waslu Malta wara li kienu evakwati mil-Libja.

Ftit wara l-ħdax ta’ filgħodu fil-Port il-Kbir daħal il-vapur bl-isem MV Bridge tal-linja marittima European Sealines.Com b’madwar 850 persuna abbord li kienu evakwati mil-Libja. Fost dawn kien hemm ħaddiema Filippini, Indjani u Spanjoli u anke l-ħames haddiema Maltin.

Dawn il-ħaddiema kollha telgħu abbord il-vapur MV Bridge minn Bengażi u minn Misrata fuq l-inizjattiva tal-Gvern tal-Filippini. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti u dak tal-Filippini għamlu l-arrangamenti meħtieġa biex il-ħaddiema li l-maġġoranza tagħhom huma Filippini, jkunu evakwati lejn Malta.

Il-ħaddiema Filippini, Indjani u ħaddiema oħra minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea baqgħu abbord il-vapur sorġut fix-Xatt ta’ Pinto sakemm aktar tard  twasslu fl-ajruport biex minn  hemm għal ħabta tal-ħdax ta’ bil-lejl qabdu titjiriet lejn pajjiżhom. Imma l-ħaddiema Maltin flimkien ma xi ħaddiema Spanjoli tniżżlu l-art mill-ewwel.
Sadattant, aktar kmieni llum, il-katamaran tal-Virtu Ferries San Ġwann wasal Malta bi ftit aktar minn 300 ħaddiem, Indjani u Koreani. Il-katamaran rabat ukoll fix-Xatt ta’ Pinto ftit bogħod mill-vapur MV Bridge. Jidher li l-vjaġġ tal-katamaran kien organizzat mill-kumpanija Daewoo u telaq minn Zuwaytinah fin-nofsinhar ta’ Bengazi il-Ħamis filgħaxija.
Sadattant fil-Libja kompla l-ġlied bejn fazzjonijiet differenti kemm fi Tripli kif ukoll f’Bengażi. Aktar kmieni din il-ġimgħa il-Parlament Libjan għamel appell lil komunita` internazzjonali biex isir intervent militari biex ikunu protetti n-nies Ċivili. Dan kollu qed iwassal biex aktar pajjiżi u kumpaniji jagħżlu li jevakwaw lin-nies tagħhom mil-Libja u għal darb oħra Malta reġgħet qed tilqa’ lil dawk evakwati minn dan il-pajjiż ġar tagħna.