Kif kien mistenni l-Italja ħatru lil Antonio Conte bħala l-kowċ nazzjonali l-ġdid b’kuntratt sal-2016.
Cesare Prandelli rriżenja minn kowċ tal-Azzurri wara li t-tim kien eliminat mit-Tazza tad-Dinja fil-Brażil waqt li Conte, eks midfielder internazzjonali Taljan li għandu 45 sena, irriżenja minn kowċ taċ-Champions Juventus ix-xahar l-ieħor wara li kien rebaħ tliet kampjonati konsekuttivi.
Huwa mexxa wkoll lil Bari u lil Siena lejn il-promozzjoni mis-Serie B waqt li kellu wkoll esperjenza ma’ Arezzo u Atalanta.
Il-Federazzjoni Taljana qalet li barra s-salarju tiegħu, Conte se jkun qed jirċievi bonus jekk it-tim jikkwalifika għall-Euro 2016, bonus jekk it-tim javvanza mill-anqas ħames postijiet fir-ranking tal-FIFA, fejn bħalissa jinsab fl-14-il post u bonus ieħor jekk jaslu sal-finali tal-Euro 2016 fi Franza.
L-ewwel impenn tiegħu se jkun fit-3 ta’ Settembru b’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Olanda qabel jiftħu l-impenji fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2016 kontra n-Norveġja sitt’ijiem wara. F’dan il-grupp hemm ukoll Malta.
Conte ngħata l-ħatra wara li din il-ġimgħa l-FIGC ħatret lil Carlo Tavecchio bħala l-President il-ġdid.
//= $special ?>

