Futbol Sport

Għada jirritorna l-futbol Ingliż

Chelsea l-akbar theddida għaċ-Champions Man City
Illum jibda l-kampjonat Ingliż bl-attenzjoni kollha tkun fuq Manchester United li se jkunu l-ewwel fl-azzjoni bil-logħba kontra Swansea. Dan l-istaġun hemm stennija kbira wara li matul is-sajf ir-Red Devils ħatru lill-eks kowċ tal-Olanda Louis Van Gaal bħala manager.
L-istaġun  li għadda Man Utd spiċċaw fis-seba’ post taħt it-tmexxija ta’ David Moyes u ma ikkwalifikawx għall-Ewropa. Dan ifisser li t-tim jista’ jikkonċentra biss fuq il-kampjonat. Ix-xogħol ta’ Van Gaal beda jidher u fil-pre-season Man Utd diġa’ rebħu turnament ta’ ħbibeirja fl-Istati Uniti fejn għelbu timijiet bħalma huma Inter, Roma, Real Madrid u Liverpool. Bla dubju l-partitarji qed jistennew li t-tim tagħhom jerġa’ jkun fost dawk li jissieltu għall-unuri bħalma kien jagħmel meta kien taħt it-tmexxija tal-leġġendarju Alex Ferguson.

 
L-attakkant Robin Van Persie mhux mistenni jibda mill-bidu  f’Old Trafford minħabba li ma tantx ilu jittħarreġ mal-iskwadra wara li intemmet it-Tazza tad-Dinja.
Filwaqt li Man Utd se jkunu qed jaspiraw li jissieltu għar-rebħ tat-titlu, żgur li fuq il-karta l-aktar tim f’pożizzjoni tajba li jisfida liċ-Champions renjanti Man City hu dak ta’ Chelsea. Staġun ilu l-manager ta’ Chelsea kien qal li t-tim tiegħu mhux lest jissielet għar-rebħ tat-titlu u qabbel lit-tim ma’ “żiemel żgħir li kien għadu qed jitħallem jiġri” u fl-istess ħin qal li fit-tieni sena taħt it-tmexxija tiegħu Chelsea għandhom dmir li jkunu fost l-isfidanti ewlenin.

 
Matul is-sajf Chelsea għamlu diversi akkwisti bħalma huma Fabregas, Diego Costa, Courtois u Drogba. Fabregas se jkun qed jieħu post Lampard li ħalla t-tim wara 13-il sena filwaqt li Diego Costa hu l-attakkant li Mourinho ilu jrid diversi xhur. Dan diġa’ qed juri x’kapaċi jagħmel għax fil-pre-season skurja diversi gowls. Costa jrid jinsa l-wirjiet diżappuntanti li kellu fit-Tazza tad-Dinja ma’ Spanja u jerġa’ jikseb il-forma li kellu staġun ilu ma’ Atletico Madrid.

 
Wara tliet staġuni misluf lil Atletico Madrid, il-gowlkiper Courtois se jkun qed jissielet għal post bejn il-lasti u Mourinho diġa` ta x’jifhem li l-eks gowlkiper ta’ Atletico Madrid se jkun qed jibda minflok il-veteran Cech. Li hu żgur hu li l-Blues għandhom għażla mill-aqwa. Ir-ritorn ta’ Didier Drogba mal-eks klabb tiegħu żgur li se jħalli l-frott. Wieħed irid jara jekk Drogba hux se jirkupra minn injury  fl-għaksa biex jilgħab kontra Burnley.  Minkejja li rebaħ diversi unuri ma’ Barcelona, Fabregas se jipprova jsikket lill-kritiċi tiegħu li minn dejjem qalu li ma kienx fl-aqwa tiegħu fl-avventura mal-Katalani. Barra minn hekk, bħal Costa, Fabregas ukoll kelu esperjenza negattiva waqt it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil u żgur li r-ritorna tiegħu fl-Ingilterra wara l-esperjenza ma’ Arsenal se tkun qed tgħamillu ġid.

 

Iċ-Champions kontra Newcastle
Għada ċ-Champions Man City jibdew l-impenji barra minn darhom kontra Newcastle. It-tim ta’ Pellegrini għeleb l-isfida ta’ Liverpool biex rebaħ il-kampjonat u din is-sena għandu skwadra mill-aqwa li terġa’ tibda favorita li tirbaħ it-titlu.
Matul is-sajf akkwistaw plejers bħal Mangala, Sagna u Rodwell u fl-istess ħin żammew il-pilastri tagħhom bħal Kompany u Toure. Wieħed irid jiftakar ukoll li għall-ewwel sitt xhur tal-kampjonat City se jkollhom lill-eks midfielder ta’ Chelsea Frank Lampard. Minkejja l-eta` tiegħu se jkun utli għat-tim bl-esperjenza li għandu. Il-midfielder Samir Nasri, li issa irtira mit-tim nazzjonali Franċiż se jkun f’qagħda aħjar biex jiffoka fuq il-klabb tiegħu.

 
Mingħajr Suarez
Għada Liverpool jibdew l-avventura tagħhom fil-Premiership mingħajr l-attakkant Luis Suarez meta jilagħbu f’Anfield kontra Southampton. Fl-istaġun li għadda Suarez spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat b’31 gowl u għen  lil Liverpool jersqu viċin li jirbħu t-titlu għall-ewwel darba sa mill-1990. Madankollu l-imġieba ta’ Suarez kienet problema għal Liverpool li għażlu li jbiegħuh wara dak li seħħ fit-Tazza tad-Dinja u issa wieħed irid jara safejn se jaslu mingħajru. Huma se jibdew kontra Southampton, tim li dan is-sajf, ħadu diversi plejers mingħandu bħal Lambert, Lallana u Lovren. L-attakkant Belġjan Origi, li kelu wirjiet tajba fit-Tazza tad-Dinja mistenni jkun wieħed minn dawk li se jimla l-vojt ta’ Suarez.

 

 

B’moral għoli
Tim li żgur għandu l-moral għoli hu dak ta’ Arsenal. Wara disa’ snin ma jirbħu unur, f’Mejju li għadda rebħu l-FA Cup u ġimgħa ilu rebħu l-Community Shield meta fil-finali għelbu proprju lil Man City 3-0. L-ewwel logħba ta’ Arsenal se tkun kontra Crystal Palace, tim li fl-aħħar sigħat tilef il-manager Tony Pulis.
Din is-sena akkwistaw lil Alexis Sanchez, li kellu wirjiet tajbin maċ-Ċile fit-Tazza tad-Dinja u barra minn hekk se jkunu qed jittamaw li l-plejers :ermaniżi jkomplu minn fejn ħallew fil-Brażil wara li rebħu t-titlu mondjali.
Everton, staġun ilu spiċċaw il-ħames u kien għal ftit li ma ikkwalifikawx għaċ-Champions League. Din is-sena akkwistaw lil Lukaku u jittamaw li l-gowls tiegħu jgħinuhom jiksbu post fl-Ewropa. Lukaku se jkun nieqes illum kontra t-tim promoss Leicester City. Iż-żewġ timijiet l-oħra promossi huma ta’ QPR u Burnley.