Futbol Sport

Għada tibda l-isfida għar-rebħ tal-Kampjonat Malti

Bejn illum u għada jidħlu fl-azzjoni t-timijiet kollha tal-BOV Premier League fl-ewwel ġurnata mill-kampjonat għall-istaġun 2014-15.
Bħall-istaġun li għadda l-partiti se jibdew ikunu erbgħa s-Sibt u tnejn il-Ħadd fejn għalissa se jintużaw biss l-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali u l-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun. L-ewwel timijiet li se jkunu qed jiftħu l-kampjonat fl-istess ħin se jkunu Tarxien Rainbows kontra Sliema f’Ta’ Qali u r-runners up tal-istaġun  li għadda u rebbieħa tas-Super Cup il-ġimgħa l-oħra, B’Kara kontra wieħed mit-timijiet promossi, Pieta` Hotspurs.
Minn dak li offrew it-timijiet kollha s’issa waqt il-partiti ta’ ħbiberija fil-pre-season tagħhom, jidher li kollha huma preparati sa snienhom u b’aspirazjonijiet differenti. Min biex jisfida liċ-Champions renjanti Valletta għar-rebħ tal-kampjonat, min biex jikseb post fl-Ewropa u min biex jeħles kemm jista’ jkun malajr mill-ispettru tar-relegation hekk kif din is-sena apparti l-aħħar żewġ timijiet li jkunu relegati awtomatikament fl-Ewwel Diviżjoni, it-tim li jispiċċa fl-10 post ikun irid jilgħab play-off kontra dak li jispiċċa t-tielet fl-Ewwel Diviżjoni.
Tarxien u Sliema huma tnejn mit-timijiet li għamlu tibdil qawwi fuq l-istaġun li għadda bit-tama li huma wkoll ikollhom staġun tajjeb. Sliema komplew jibbażaw fuq akkwisti Taljani wara li jidher li fallew in-negozjati li kellhom ma’ kumpannija barranija li permezz tagħha kienu anke laħqu ftehim biex iġibu magħhom lill-eks internazzjonali Franċiż u plejer ta’ Man Utd u Arsenal, Silvestre.
Minn dak li wrew fl-Europa League Sliema jidher li għandhom materjal biżżejjed biex jerġgħu jkunu fost il-protagonisti.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Tarxien li kien l-uniku tim tal-Premier li ma kienx fl-azzjoni f’turnament jew kompetizzjoni Ewropeja wara li rtira mis-Summer Cup. Ir-Rainbows lagħbu biss partiti ta’ ħbiberija u f’waħda minnhom ġew anke draw 3-3 kontra B’Kara.

Warajhom jiltaqgħu Floriana u Hibernians żewġ timijiet oħra b’aspirazzjonijiet kbar u li t-tnejn ħadmu fis-skiet matul dan is-suq tat-trasferimenti fejn ċedew u akkwistaw plejers importanti. Fil-passat iż-żewġ naħat offrew sfidi u konfronti nteressanti u din m’għandiex tkun eċċezzjoni.

It-tnejn promossi
Pieta` Hotspurs se jkunu qed ikejlu l-livell tagħhom għall-Premier kontra B’Kara. Il-Hotspurs kellhom wirjiet mill-aqwa fil-partiti ta’ ħbiberija qabel il-kampjonat u jidher li għandhom materjal biżżejjed biex iżommu posthom. Imma issa wasal il-ħin tal-prova u l-ewwel impenn tagħhom se jkun kontra t-tim ta’ Paul Zammit li mhux biss ġej minn rebħa fuq Valletta imma kellu forsi dik li tista’ tiqies l-aħjar wirja mil-klabbs Maltin fl-Ewropa dan l-istaġun. Il-fatt li l-logħba se tintlagħab fil-Victor Tedesco, tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-klabb ta’ Pieta` Hotspurs, jista’ jkollha effett fuq il-prestazzjoni tal-Hotspurs li għandhom ikunu nkoraġġuti mill-benjamini tagħhom.
Warajhom jidħlu wkoll fl-azzjoni }ebbuġ Rangers, tim ieħor promoss b’aspetattivi kbar. It-tim immexxi minn Jesmond Zammit ukoll kompla saħħaħ fuq l-iskwadr ali kellu l-istaġun li għadda imma l-istess għamlu l-avversarji tagħhom Balzan li taħt it-tmexxija ta’ Oliver Spiteri ukoll jidher li għandhom skwadra ferm aktar qawwija minn dik tal-istaġun  li għadda bil-għan li huma wkoll iserrħu rashom kmieni mir-relegation.

Jiddefendu t-titlu
Iċ-Champions se jibdew jiddefendu t-titlu kontra Mosta għada fl-aħħar logħba tal-ewwel ġurnata. Dan għandu jkun konfront interessanti għaliex għalkemm il-Beltin jibdew favoriti, Mosta għamlu tibdil u titjib konsiderevoli fuq l-istaġun  li għadda fejn fallew bi ftit minn post fl-Ewropa.
Il-Beltin dehru xi ftit tqal fid-difiża waqt is-Supercup kontra B’Kara imma r-ritorn ta’ Steve Borg għandu jagħti aktar spinta lit-tim ta’ Gilbert Agius li jisa’ jkollu wkoll fl-iskwadra mill-bidu lil Hamza Barry.
Qabilhom għada wkoll, Qormi u Naxxar Lions jisfidaw lil xuxlin f’dak li jidher għandu jkun konfront bilanċjat. Il-Qriema qed isostnu li għandhom l-aħjar skwadra li qatt kellhom waqt li Naxxar ukoll huma kuntenti mmens bl-iskwadra li għandhom anke jekk Edet Ibok, wieħed mill-akkwisti l-ġodda tagħhom se jkun sospiż. Barra dan il-kowċ Winston Muscat għad għandu xi injuries żgħar li qed jittama li jilħaq jirkupra sa qabel il-partita.
Wieħed ird jara kif se jkunu qed jintegraw l-akkwisti l-ġodda taż-żewġ timijiet, partikolarment dawk ġodda fil-futbol Malti.
Il-Kampjonat li jibda llum jintemm fl-aħħar ta’ Mejju meta jkunu magħrufa l-verdetti u ssir analiżi serja kemm it-timijiet u l-klabbs għamlu xogħlhom tajjeb matul dan is-sajf.