Lokali

Ħal Kirkop jħejji għall-festa ta’ San Anard

B’devozzjoni mifruxa f’pajjiżna sa mis-seklu 14, il-kult ta’ San Leonardu hu fost l-eqdem kulti popolari f’pajjiżna. Xhieda ta’ dan huma d-diversi rappreżentazzjonijiet li nsibu b’diversi ‘rock-cut churches’ Medjevali u katakombi f’pajjiżna. Fost dawn insibu l-Knisja ta’ Wied Liemu fir-Rabat, dik tal-Mensija f’San Ġwann, dik tal-Lunzjata f’Ħal Millieri u fil-katakombi ta’ Sant’Agata fejn saħansitra nsibu tlett rappreżentazzjonijiet. Qegħdin nitkellmu dwar perjodu fejn il-jasar kien fattwali u għaldaqstant bosta kienu jirrikorru lejn San Leonardu fil-kapaċita’ tiegħu ta’ patrun tal-iskjavi u l-ikkalzrati.

Għalkemm il-viżtipastorali ta’ Pietro Dusina fil-bidu tas-seklu 16 jindikaw numru impressjonanti ta’ kappelli filjali iddedikati lil dan il-qaddis, maż-żmien din id-devozzjoni bdiet tnaqqas mill-importanza. Pero’ dan ma jistax jingħad għal Ħal Kirkop li fl-1592 ġiet uffiċjalment inkurunata mill-Isqof Tommaso Gargallo bħala parroċċa matriċi iddedikata lil San Leonardu Abbati, biex sa llum għada l-unika parroċċa ddedikata lil Qaddis f’pajjiżna.

Din id-devozzjoni lejn San Anard għada timmanifesta ruħa b’mod daqstant ikkulurit f’Ħal Kirkop. L-Għaqda Mużikali San Leonardu li sa mill-1858 ġiet imwaqqfa bil-għan li tikkumplimenti iċ-ċelebrazzjoniet reliġjużi b’festi esterni fir-rispett tat-tradizzjoni u l-identita’ Maltija. Illum din l-Għaqda Volontarja (VO/0266) hija kompletament responsabbli mill-organizzazjoni tal-festi esterni biex b’hekk timmanifesta d-devozzjoni tagħha permezz tal-arti fl-armar, il-piroteknika u l-mużika tal-Banda San Leonardo. Ma’ dan jeħtieġ insemmu wkoll stazzjon kommunitarju, Radio Leonardo li fuq frekwenza ta’ 105.2FM jwassal xandieriet diretti mill-knisja u jwassal leħen l-Għaqda fid-djar Koppin.

F’għeluq l-għaxar skeda Radio Leonardu qiegħed jixxandar b’live streaming fuq www.radioleonardo.org. Għaldaqstant l-Għaqda hi komposta minn diversi sezzjonijiet li b’impenn kbir jaħdmu b’mod volontarju matul is-sena. L-Għaqda timpenja ruħha li tkompli tinvesti fit-talenti tan-nies tal-lokal hekk kif toffrilhom diversi opportunitajiet li jiżviluppaw il-personalita’ u l-karattri tagħhom.

L-Għaqda tal-banda hi wkoll imsemmija għal Fabbrika tan-Nar San Leonardu u l-manifattura tan-nar tal-ajru b’mod speċjali għal-murtali tal-beraq, il-beraq pront u għal dawk tal-kulur. Ma’ dawn ta’ min isemmi is-sinkronizzar ta’ nar mal-mużika b’sistema li inħolqot miż-żgħażagħ Koppini. Dan jilħaq il-qofol tiegħu f’Misraħ Kirkop fil-marċ tal-Ħamis 16 t’Awwissu bi spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika Tritsch Tratsch tal-kompożitur Johann Strauss II.

Ħal Kirkop hu wkoll rinomat għan-nar tal-art, b’mod speċjali għat-teknika magħrufa bħala l-katina. Għal-ħames sena konsekuttiva, is-Sibt 18 t’Awwissu ser tinħaraq katina ta’ 1000 pied, l-akbar waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin. L-għaqda ser tassisti wkoll għal ħruq ta’ nar tal-art sinkronizzat mal-mużika, xi ħaġa unika għax-xena lokali.

Apparti li tonora l-festa liturġika ta’ San Leonardu nhar is-6 ta’ Novembru, l-Għaqda tiċċelebra l-festa parrokjali tradizzjonali f’Awwissu li ssir bejn it-18 u l-24 tax-xahar u li bla dubju l-qofol tal-festi jintlaħaq f’jum il-festa, il-Ħadd 24 t’Awwissu fejn kollox jikkumplimenta l-festi interni bil-paniġierku, it-traslazzjoni u l-purċissjoni fil-vara artistika ta’ San Leonardu.